6 – Ir raġel b’farrett f’xofftu

Isa Whitney, ħu l-mejjet Elias Whitney, prinċipal tal-Kulleġġ tat-Teoloġija ta’ San Ġorġ, kellu l-vizzju tal-loppju. Dan il-vizzju qabdu meta kienu għadu student u qara l-ktieb ta’ De Quincey (1) fejn l-awtur jagħti tagħrif dwar il-ħolm li kellu u x’ħass meta xarrab it-tabakk bil-laudanum.(2) Isa daħħalha f’rasu li jagħmel bħall- awtur u fittex li jesperjenza l-effetti ta- loppju. Intebaħ tard wisq li l-vizzju faċli taqbdu iżda diffiċilissmu teħles minnu. Għal bosta snin kien skjav tad-droga, u l-familjari tiegħu u sħabu kienu jħarsu lejh b’biża’ u ħasra. Għadni nista’ narah b’dak il-wiċċ sfajjar ta’ bniedem marradi, il-kpiepel t’ għajnejh imbexqin bil- ħabbiet qishom ponot ta’ labra, imkebbeb fuq pultruna. Raġel nobbli, imfarrak u miġjub fix-xejn.
Lejl minnhom, f’Ġunju tal-1889, ċempel il-bieb. Kien il-ħin li soltu wieħed jibda jaħseb biex imur jorqod. Fil-fatt kont diġà bdejt nittewweb u nħares lejn l-arloġġ. Marti waqfet mix-xogħol tal-ħjata u ħarset lejja b’naqra diqa.
“Naħseb pazjent,” qaltli, “ser ikollok toħroġ.”
Lip 01Bdejt ingerger għax kont għadni ġej minn ġurnata xogħol li għejjietni.
Smajna l-bieb jinfetaħ, xi ftit kliem mgħaġġel, u passi ħfief. Il-bieb tal-kamra tagħna nfetaħ b’sabta u minnu daħlet mara liebsa l-iswed minn rasha sa saqajha. Saħansitra wiċċha kien mgħotti b’velu iswed.
“Skużawni jekk ġejt tard,” bdiet tgħidilna. Iżda f’daqqa waħda tilfet il-kontroll tagħha nnifisha u marret tiġri tgħannaq ’il marti u nfaqgħet tibki.
“Jaħasra qiegħda f’baħar inkwiet,” qaltilna bid-dmugħ f’għajnejha. “Kemm għandi bżonn l-għajnuna.”
“Ara,” lissnet marti hekk kif neħħitilha l-velu minn quddiem wiċċha, “ara Kate Whitney. Kif ħsadtni Kate! Ma kelli l-ebda idea li kont int meta dħalt.”
“Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel u għalhekk ġejt dritt għandek.”
Kienet xi ħaġa normali li dawk li jafu lil marti jfittxuha meta jkunu f’xi saram, qishom l-għasafar lejn fanal.
“Sewwa għamilt ġejt. Issa trid tieħu ftit inbid  bl-ilma, toqgħod komda u tgħidilna x’ġara? Jew trid li nibgħat lil John jorqod?”
“Le, le, għandi bżonn l-għajnuna u l-parir tat-Tabib. Ġejt minħabba Isa, ilu jumejn ma jiġi d-dar. Qed nibża’ li ġralu xi ħaġa.”
Ma kinitx l-ewwel darba li kellmitna dwar l-inkwiet ta’ żewġha, lili bħala tabib u lil marti bħala ħabiba antika sa minn żmien l-iskola. Għamilna ħilitna biex nikkalmawha u nserrħulha rasha. Staqsejnieha kinitx taf fejn kien jinsab u kemm kien possibbli li jien u marti nġibuh lura.
Deher li dan kien possibbli. Saret taf tajjeb li dan l-aħħar meta kien jinħakem mill- kilba għad-droga kien imur f’wieħed minn dawk il-postijiet tal-loppju minn fejn kien jixtrih u joqgħod ipejpu hemm stess. F’Londra hawn bosta minn dawn il- postijiet imsejħa għorna tal loppju,(3) li fil-biċċa l-kbira kienu f’idejn iċ-Ċiniżi. Ir- raġel tagħha kien qed imur ġewwa għorna fil-Lvant tal-belt. Kompliet tgħidilna li ma kienx idum aktar minn ġurnata f’wieħed minn dawn il postijiet u kien jiġi lura filgħaxija jitriegħed u mifluġ. Imma issa l-kilba għad-droga ilha fuqu tmienja u erbgħin siegħa u beżgħet li kien mixħut mhux f’sensih mal-agħar nies tal-port, ipejjep il-velenu jew rieqed xi mkien. Kienet ċerta li jinsab ħdejn il-pub Bar of Gold f’Upper Swandam Lane. Imma x’setgħet tagħmel? Kif setgħet mara żagħżugħa u tal-galbu tmur f’post bħal dak u tieħu lil żewġha lura minn fost dawk il-kriminali li kien hemm madwaru?
Ġieni ħsieb kif dan l-għawġ seta’ jispiċċa. Staqsejtha riditx li mmur magħha ħa nġibuh lura. Anzi, aħjar minn hekk, għaliex ma mmurx waħdi? Hi ma kellhiex għalxiex tiġi. Jien kont il-konsulent mediku ta’ Isa Whitney u bħala tali kelli ċerta influwenza fuqu. Fuq kollox jekk immur waħdi kont nħaffef aktar. Hi qablet u wegħedtha li jekk insibu fl-indirizz li tatni nibagħtu d-dar b’hamson f’inqas minn sagħtejn. F’għaxar minuti tlaqt il-pultruna u l kamra komda tas-salott u għaġġilt lejn il Lvant ta’ Londra ġo hamson fuq biċċa xogħol stramba. Hekk dehret dak il mument, għaliex il-ġejjieni kien se jurini kemm l-stramb jista’ jkun aktar stramb.
Fl-ewwel parti tal-avventura ma sibt l-ebda xkiel. Upper Swandam Lane hu sqaq li jqażżek, moħbi wara l-mollijiet għoljin man-naħa ta’ fuq tax-xmara fil-Lvant tal-London Bridge. Bejn ħanut tal-ħwejjeġ tal-baħrin u ħanut tal-ġinn, li tmur għalihom minn taraġ wieqaf li jagħti ’l-isfel għal wesgħa mudlama qisha d-dħul għal ġo xi għar, hawn sibt l-għorna tal-loppju li kont qed infittex. Għedt ’il-kuċċier biex jistenna, inżilt żewġ tarġiet, bin-nofs moħfi mikul bil passi ma jaqtgħu xejn ta’ riġlejn fis-sakra. B’riħet it-tnemnim ta’ lampa taż-żejt fuq il-bieb irnexxieli niftaħ. Dħalt f’kamra twila u dejqa, fgata bid-duħħan oħxon u kannella tal-loppju. Fuq kull naħa kien hemm kruċetti jew bunk beds fuq xulxin qisu taħt gverta ta’ bastiment mimli emigranti.
F’dak id-dlam bilkemm stajt nara lil dawk il-mimdudin, kollha f’qagħdiet strambiLip 02 u tal-ġenn. Spallejn milwija, irkupptejn mgħawġa, irjus mitfugħa lura u gdiedem jippuntaw ’il-fuq, filwaqt li ’l hinn u ’l hawn kien hemm għajn skura u skantata tħares lejja. Minn dawn id-dellijiet mudlama deher it-tnemnim ta’ ċrieki żgħar ta’ dawl, daqqa liemja u daqqa bilkemm jidhru skont il-ġamra tal-valenu tiela’ u nieżela fi skutelli tal-metall. Il-biċċa l-kbira kienu siekta, xi wħud gergru waħidhom waqt li oħrajn tkellmu bejniethom b’leħen baxx, stramb u monotonu. Kienu jitħaddtu bl-iskossi, daqqa kulħadd jitkellem f’daqqa u wara ftit skiet perfett. Kulħadd igedwed il-ħsibijiet tiegħu mingħajr ma jagħti kas x’inhu jgħid ta’ ħdejh. Kważi fit-tarf tal-kamra kien hemm braċier, jew aħjar kaldarun, bil-faħam jaqbad. Ħdejh kien hemm raġel twil bilqiegħda fuq banketta bi tliet saqajn iserraħ geddumu fuq il-ponnijiet ta’ jdejh u minkbejh fuq rkupptejh, iħares ċass lejn in- nar.
Hekk kif dħalt Malażjan isfar mewt ħaffef resaq lejja b’pipa u ammont ta’ droga, u stedinni noqgħod f’kuċċetta vojta.
“Grazzi, iżda ma ġejtx biex noqgħod,” għedtlu. “Hawn ħabib tiegħu, ċertu Mr. Isa Whitney, u nixtieq inkellmu.”
Fuq in-naħa tal-lemin tiegħi kien hemm ċaqliq u xi ħadd għajjat. Fid-dlam bilkemm stajt nara lil Whitney, isfar mewt, mifluġ u żmattat iċċassat lejja.
“Alla tiegħi! Watson int?!” qal. Kien fi stat tal-biki, b’ġismu jitriegħed bl-inkwiet u d-diqa li kellu. “Ħares Watson, x’ħin hu?”
“Kważi l-ħdax ta’ billejl.”
“Ta’ liema jum?”
“Il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju.”
“X’waħda din! Ħsibt li kienu l-Erbgħa. U ejja! Illum l-Erbgħa, għaliex qed tbeżżagħni?” Tefa’ jdejh ma’ wiċċu u beda jnewwaħ.
“Isa, qed ngħidlek li llum il-Ġimgħa. Martek ilha jumejn tistenniek. Imissek tistħi!”
“Tabilħaqq imissni nistħi iżda tfixkilt, Watson, għaliex ili hawn ftit sigħat kemm pejjipt tlieta jew erba’ pipi, insejt kemm eżatt. Imma issa ħa niġi d-dar, miegħek ma rridx inbeżża’ lil Kate. Miskina Kate. Tini jdejk ħa nqum! Għandek karozzella?”
“Iva, għandi waħda qed tistenniena.”
“Mela ħa mmur biha. Imma żgur għandi nagħti xi ħaġa, Watson. Ma nħossnix f’sikkti. Ma nista’ nagħmel xejn waħdi.”
Għaddejt mill-passaġġ dejjaq bejn ir ringieli ta’ kruċetti, nżomm in-nifs biex ma niblax id-duħħan li jdardrek u narkotiku tad-droga. Bdejt infittex lil min jieħu ħsieb din ir rokna tal-infern. Hekk kif għaddejt minn ħdejn ir-raġel twil li kien bilqiegħda ħdejn il-braċier ħassejt lil xi ħadd jiġbidli l-qmis u b’leħen baxx ħafna qalli, “Għaddi minn ħdejja mbagħad ħares lura lejja.” Il-kliem smajtu sew u ħarist ’l isfel. Il-kliem seta’ ġie biss minn raġel xwejjaħ li kien biswiti, iżda issa kien mimdud, wisq probabbli mitluf minn sensih. Kien bniedem irqajjaq u mkemmex, mgħawweġ ganċ bl-età, b’pipa tal-loppju mdendla bejn irkupptejh qisha waqgħet minn idejh sforz it-telqa li kellu. Imxejt żewġ passi u ħarist lura. Kelli biċċa xogħol biex inżomm kontroll fuqi nnifsi u ma ngħajjatx bil-ħasda li ħadt. Hu dar biex ħadd ma jarah ħlief jien. L-irquqija tiegħu spiċċat u t-tikmix għeb. Dawk l-għajnejn bla ħajja reġgħu ħadu l-fjamma u qam bilqiegħda ħdejn in-nar jitbissem bil-ħasda kelli. Ma kien ħadd ħlief Sherlock Holmes! Għamilli mossa żgħira biex nersaq lejh u f’kemm ili ngħidlek dawwar wiċċu għal darb’oħra lejn dawk li kienu ħdejh u mill-ġdid ħa l-qagħda ta’ bniedem żmagat bla saħħa u jgedwed fil-vojt.
Lip 03“Holmes!” għedtlu bilkemm kemm ninstema’. Xi x-xjafek qed tagħmel f’dan il post misħut? “Kemm jista’ jkun żomm leħnek baxx,” irrispondieni, “għandi widnejja jisimgħu tajjeb ħafna. Issa jekk ikollok il-ġentilezza kbira u teħles minn dak il mingħu Skoċċiż tiegħek ikun gost kbir għalija li nitkellem naqra miegħek                     “Għandi karozzella tistenna barra.” “Mela agħmilli pjaċir u ibagħtu d-dar. Tista’ sserraħ rasek u tafdah għax jidher dgħajjef wisq biex jaqla’ l-inkwiet. U jkun aħjar li tibgħat ukoll nota lil martek biex ittarrfilha li qiegħed miegħi. Stennieni barra,f’ħames minuti nkun miegħek.”
Kien diffiċli għalija ngħid le għax xewqat ta’ Sherlock Holmes, dejjem preċiż u kien  jiftiehem tajjeb u jispjega b’sengħa kbira. Meta Whitney kien fil-karozzella ħassejt li kont wettaqt il-missjoni tiegħi u issa xejn ma kont nixtieq għajr li ningħaqad ma’ sieħbi f’waħda mill-avventuri strambi tiegħu. Fi ftit minuti ktibt in-nota, ħallast il- kont ta’ Whitney, daħħaltu fil-hamson u rajtu sejjer fid-dlam. Wara ftit ħarġet figura bla saħħa, li fil fatt kienet Sherlock Holmes, u jien bdejt miexi għal-għonq it- triq miegħu. Għal żewġ triqat zappap b’dahru mgħawweġ u sieq minnhom kemm kemm jirfes fuqha imma wara li ta daqqa ta’ għajn madwaru ddritta ruħu u nfaqa’ jidħak bil-qalb.
“Nissoponi Watson,” qalli, “li qed taħseb li żidt it-tipjip tal-loppju mal-injezzjonijiet tal- kokaina u d-dgħufijiet żgħar oħra li għandi. Tabilħaqq dejjem ċanfartni dwarhom u fissirtli l-opinjoni medika tiegħek dwar il-ħsara li jagħmlu lill bniedem dawn il-vizzji tiegħi.”
“Tassew li bqajt skantat narak hemm.”
“Imma mhux daqsi meta jien rajt lilek.”
“Ġejt insib ħabib.” “U jien insib għadu!”“Għadu?”
“Iva, wieħed mill-għedewwa naturali tiegħi, jew aħjar ngħid priża. Fil-qosor, Watson, ninsab fl-aqwa ta’ investigazzjoni mhux tas-soltu. Fittixt li nsib xi ħjiel fit- thewdin ta’ dawn is-sakranazzi. Kieku għarfuni ħajti ma kinitx tkun tiswa uqija loppju għaliex mhux l-ewwel darba li użajt dan il-post fl-istħarriġ tiegħi. Sid l- għorna hu Lascar minn x’imkien fl-Indja li xi ghaxar snin ilu ħarab min fuq il-bastiment li kien bahri fuqu u issa ghandu din l-għorna. Dan il-bicca drap ħazina u fergħ tax-xitan ħalef li jivvendika ruħu minni. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-post li ħallejna hemm bokkaport li jagħti għall-kantuniera tal-moll ta’ San Pawl. Kieku dak il-bokkaport seta’ jitkellem kien ikollu bosta stejjer kiefra u tal-waħx x’jirrakkonta x’għadda minnu fl-iljieli bla qamar.”
“X’trid tfisser? Katavri!?”
“Iva, Watson, katavri. Kieku kellna elf sterlina (€60.00) għal kull żvinturat li nqatel hemm ġew jien u int sinjuruni. Hemmhekk hu lok tal-biża’ u l-agħar nassa qattiela li hawn ma’ xatt ix-xmara. Nibża’ li Neville St. Clair daħal hemm u qatt ma ħareġ aktar. Iżda l-karozzella waslet!”
Tefa’ żewġ swaba’ bejn snienu u saffar. Dan is sinjal twieġeb b’tisfira oħra mill bogħod u wara smajna t tektik ta’ roti u n nagħal ta’ żiemel.
“Isa, Watson, ħaffef,” qalli Holmes.
Karettun għoli fil-pront ġie lejna mid-dlam sfiq maqtugħ biss minn żewġ linji ta’ dawl tal fanali tal-karrettun.
“Ġej miegħi, hux?”
“Jekk nista’ nkun ta’ għajnuna.”
“Ħabib li tista’ tafda fih hu dejjem ta’ fejda. U wieħed li jirrakkonta l-ġrajjiet tiegħek hu aktar. Il-kamra tiegħi hi f’The Ceddars u s sodda hija ta’ bi tnejn.”
“The Ceddars?”
“Iva qed noqgħod hemm sakemm nagħmel l-istħarriġ.”
“Fejn jinsab dan il-post?”
“Ħdejn Lee f’Kent.(4) Għandna vjaġġ ta’ seba’ mili quddiemna.”
“Iżda jien ma naf xejn.”
“Dażgur li ma taf xejn iżda dalwaqt ngħidlek. Itla’ ejja! Għaġġel ħa mmorru,Lip 04 Watson . Hawn nofs kuruna (€40.00) John. Għada fittixni għal xi l-ħdax. Ejja, tlaqna! Saħħa John, narak għada.”
“Għaddejna b’ħeffa minn toroq vojta, monotoni, u mudlama li ma jispiċċaw qatt. Twessgħu bil-mod sakemm għaddejna bejn il-balavostri tal-pont fuq xmara skura u maħmuġa bilkemm tiċċaqlaq. Kif ħallejna l-pont stajt nara ġungla wiesgħa ta’ briks u siment. Is-skiet kien miksur biss bil-passi tqal u regolari ta’ xi kuntistabbli waqt ir-ronda ta’ billejl jew il-kant u l għajat ta’ xi ċorma nies li sa dak il ħin kienu għadhom ma xebgħux jitbagħardu. Fis-sema rajt sħab ħafif, u xi stilel jiddu kemm kemm bejn sħaba u oħra. Holmes saq fis-skiet b’rasu baxxuta fuq sidru, b’dehra ta’ raġel medhi fi ħsibijietu. Jien poġġejt ħdejh kurjuż biex inkun naf xi ħaġa dwar din l-avventura ġdida, li milli jidher kienet qed tkun ta’ sfida għall-ħiliet tiegħu, imma peress li ma ridtx infixklu ma tkellimtx. Konna soqna bosta mili u dħalna f’tarf zona kollha vilel suburbani meta Holmes qisu qam, ħarrek lilu nnifsu, mattar spallejh, u kebbes il-pipa bl-arja ta’ wieħed kuntent bih innifsu u moħħu mistrieħ li qed jaqdi dmiru mill-aħjar.
“Għandek id-don kbir tas-skiet, Watson,” qalli. “Dan jagħmlek ħabib imprezzabbli. Fuq kelmti ngħidlek, kemm hu siewi li jkollok xi ħadd ma’ min titkellem, aktar u aktar meta l-ħsibijiet ma jkunux sbieħ. Kont qed naħseb x’ser naqbad ngħid illejla lil dik il mara żagħżugħa u tal-galbu meta tilqagħni fil-bieb.”
“Insejt li ma naf xejn fuq dan kollu li qed tgħidli?”
“Għandi biss ħin biex nagħtik il-fatti tal-każ qabel ma naslu Lee. Mill-ewwel impressjoni jidher li hu każ kważi tad-daħk, iżda minkejja dan ma nistax naqbad tarf. Hemm ħafna spag iżda ma nistax naqbad tarf wieħed. Ħa ngħidlek il-każ ċar u fil-qosor forsi tara xi xaqq dawl fejn għalija kollox hu dlam.”
“Mela ibda.
“Xi snin ilu – eżattament f’Mejju tal-1884 – ġewwa Lee wasal ġentlom bl-isem ta’ St. Clair, li deher li kellu ħafna flus. Ħa villa kbira, irranġaha sew, għamel xogħol fl- art ta’ madwarha, u beda jgħix ħajja komda. Maż-żmien għamel ħbieb man-nies tal-inħawi, fl-1887 iżżewweġ it-tifla ta’ wieħed li jagħmel il-birra u minn dan iż- żwieġ twieldu żewġt itfal. Xogħol m’għandux iżda għandu bosta interessi f’ħafna kumpaniji, u bħala drawwa filgħodu jitlaq minn Lee u jiġi lura għal xi l-ħamsa u kwart minn Cannon Street. St. Clair għandu 37 sena, ma jixrobx, jirrispetta u jħobb lil-martu, imġennen fuq uliedu, u hu miġjub ħafna mill-ġirien. Nista’ ngħidlek ukoll li sirt naf li għandu dejn li jammonta għal 88 lira sterlina (€5,500) iżda fil-Capital and Counties Bank għandu depożiti ta’ 220 lira sterlina (€13,500). Dan jixhed li m’għandux inkwiet finanzjarju.
Issa nhar it-Tnejn li għadda St. Clair telaq aktar kmieni mid-dar għaliex, kif qal lil martu, kellu jagħmel xi żewġ qadjiet u meta jiġi lura kien ser iġib ġugarell lit-tifel iż-żgħir. Għalkollox bla mistenni, ftit wara li telaq, martu rċiviet telegramma. Din għarrfitha li fl-uffiċċji tal-Aberdeen Shipping Company kien hemm jistennieha pakkett ta’ valur. Issa jekk int midħla ta’ Londra taf li l-uffiċċji ta’ din il-kumpanija jinsabu fi Fresno Street li tagħti lejn Upper Swandam Lane fejn sibtni. F’nofsinhar is-Sinjura St. Clair kielet xi ħaġa, u telqet lejn il Belt. Kif waslet għamlet xi xiri u marret lejn l-uffiċċji tal-kumpanija minn fejn ġabret il-pakkett. Preċiż fl-4.35pm kienet għaddejja minn Swandam Lane fi triqitha lejn l-istazzjon. Fhimtni s’issa?”
“Ċar daqs il kristall.”
“Tajjeb, mela ħa nkompli. Jekk tiftakar sew nhar it-Tnejn kien jum ta’ sħana taqli l- ankri, u s-Sinjura St. Clair imxiet bil-mod, tħares ’l hinn u ’l hawn biex forsi ssib xi karozzella għall-kiri għaliex l-inħawi fejn sabet ruħha ma tantx għoġbuha. F’daqqa waħda tisma’ għajta. Inħasdet waħda sew, hekk kif dawret wiċċha rat lil żewġha jħares ’l isfel lejha minn tieqa tat-tieni sular, u kif setgħet tifhem beda jagħmlilha s- sinjal biex tmur ħdejh. It-tieqa kienet miftuħa u hi żgura li rat wiċċu, li skond hi kien mifxul sew. Hu beda jxejrilha bla sabar qisu wieħed mitluf. F’daqqa waħda għeb mit-tieqa qisu miġbud lura minn forza ta’ saħħa kbira. Punt stramb li ġibdilha l-attenzjoni kien li għalkemm kien liebes kowt skur bħal dak li ħareġ bih mid-dar, la kien liebes għonq u lanqas ingravata.
Lip 05Hi soda fil-fehma tagħha li żewġha kien ġralu xi ħaġa. Marret tiġri lejn id-dar li ratu fiha u niżlet it-taraġ. Dik id-dar ma kinitx għajr dik l-għorna tal-loppju fejn sibtni llejla. Hi daħlet tiġri ġewwa u għamlet ħilitha titla’ t-taraġ li jagħti għall- ewwel sular. Fin-naħa ta’ isfel tat-taraġ iltaqgħet ma’ dak il-brigant ta’ Lascar li kellimtek dwaru. Dan l-indimunjat imbuttaha lura u megħjun minn Daniż fattiga tiegħu tefgħuha barra t-triq. Imbeżżgħa, ma tafx x’ser taqbad tagħmel u moħħha kollu ħsibijiet koroh ġriet lejn in-naħa ta’ isfel tal-isqaq. Kellha x-xorti tajba li fi Fresno Street tiltaqa’ ma’ numru ta’ pulizija u spettur kollha fi triqithom lejn ir- ronda rispettiva tagħhom. L-Ispettur u żewġ pulizija marru lura magħha u minkejja t-tfixkil ma jaqta’ xejn tas-sid huma rnexxielhom jidħlu fil-kamra fejn St. Clair deher l-aħħar. Ma kien hemm ebda ħjiel tiegħu. Fis-sular kollu ma kien hemm ħadd ħlief tallab magħtub li kellu dehra tal-biża’, li milli jidher kien jgħix hemm. Kemm dan it-tallab kif ukoll Lascar ħalfu bil-qawwa kollha li waranofsinhar ma kien hemm ħadd fil-kamra. Tant kienu sodi fiċ-ċaħda tagħhom li l-Ispettur ma kienx jaf x’ħa jaqbad jagħmel, u kien qisu ħa jaqbad jemmen li Mrs St. Clair kienet rat ħażin u qarrqet biha nnifsha. Imma f’daqqa waħda hi għajtet għajta, ħatfet kaxxa żgħira li kien hemm fuq il-mejda u qattgħetilha l-għatu. Minnha waqgħu salt blokki żgħar tal-injam li jilagħbu bihom it-tfal. Kien il-ġugarell li St. Clair kien wiegħed lit-tifel. Din is-sejba u l-ħasda li wera l-magħtub ġiegħlu lill-Ispettur jifhem li qagħda kienet imwiegħra. Saret tfittxija bl-akbar reqqa fil-kmamar, u kollox kien juri li kien sar xi delitt ħani. Il-kamra ta’ quddiem tintuża bħala salott, u minnha wieħed imur f’kamra tas-sodda żgħira li tħares lejn in naħa ta’ wara ta’ wieħed mill-mollijiet. Bejn it-tieqa tal-kamra tas-sodda u l-moll hemm triq dejqa ħafna li meta l-livell tal-baħar jew il-marea tkun baxxa din tkun niexfa, iżda meta l-livell ikun għoli tkun mgħarrqa f’madwar erba’ piedi u nofs ilma. It-tieqa tal- kamra tas-sodda hi wiesgħa u tinfetaħ minn taħt. Meta flewha aktar bir-reqqa sabu sinjali ta’ demm fuq il-ħoġor tagħha, u bosta qtar mal-art. Moħbijin wara purtiera kien hemm il-ħwejjeġ kollha ta’ St. Clair barra l-kowt. Iż-żraben, il kalzetti, u l-arloġġ kollha kienu hemm. Fuq il-ħwejjeġ ma kienx hemm xhieda li twettqet xi ħruxija fuq Mr Neville St. Clair. Kif dehru l-affarijiet hu ħareġ mit-tieqa għaliex ma sabu l-ebda ħjiel ta’ ħruġ ieħor. Il-marki tad demm fuq ħoġor it-tieqa ftit setgħu jagħtu tama li salva lilu nnifsu bl-għawm għaliex fil ħin tat-traġedja l- baħar kien fl-ogħla livell tiegħu.
Issa niġu għal dak il-brikkun li jidher li huwa mdaħħal sew f’din il-biċċa. Lascar hu magħruf bħala bniedem b’karriera twila u mill agħar fid-dinja tal kriminalità, iżda skont kif qalet Mrs St. Clair hu kien isfel fil-bidu tat-taraġ ftit sekondi biss wara li żewġha deher mit-tieqa, u allura qajla seta’ jkun li ħa sehem fid-delitt. Hu ddefenda ruħu billi saħaq li ma kien jaf xejn u li ma kellu ebda idea ta’ x’jagħmel Hugh Boone, li kien joqgħod hemm. Kif tista’ taħseb ma kienx jaf jispjega għaliex il ħwejjeġ ta’ St. Clair instabu hemm.
Dak li kellu xi jgħid Lascar. Issa niġu għal dak il-mingħul ta’ magħtub li jgħix fit- tieni sular ta’ dik il-bejta tal-loppju u li żgur hu l-aħħar bniedem li ra lil St. Clair ħaj. Jismu Hugh Boone u għandu wiċċ jkexkxek. Min hu midħla ta’ Londra jafu sew. Boone hu tallab professjonali iżda biex idur mar-regolamenti tal-Pulizija jagħmilha li għandu negozju żgħir ta’ bejgħ tas-sulfarini tax-xemgħa. Xi ftit bogħod minn Threadneedle Street, fuq in-naħa tax-xellug, forsi stajt tara rokna żgħira fil-ħajt. Kuljum jintefa’ hemm, isallab saqajh, u jibda jbigħ is-sulfarini li jkunu f’ħoġru. Peress li d-dehra tiegħu hi waħda li ġġiblek ħniena, xita ta’ karità tinżel fil-beritta maħmuġa li jkollu quddiemu. Rajt lil dan ir raġel kemm il-darba iżda qatt ma daħalli f’moħħi li ħa nsir nafu b’mod professjonali. Ngħid is-sewwa kont mistagħġeb kemm ikollu ħsad abbundanti f’ħin daqshekk qasir. Trid tifhem li d-dehra tiegħu tolqot tant li ħadd ma għandu l-qalb jgħaddi minn ħdejh u ma jagħtix kasu. Għandu xagħru ġinġer fuq wiċċ bajdani sfigurat b’farrett terribbli li jiġbidlu xofftu ta’ fuq lejn imnieħru bħal geddum ta’ buldog. Għandu par għajnejn skuri li qishom qed iħarsu ġewwa ruħek, il-lewn tagħhom ma jaqbel xejn ma’ dak ta’ xagħru. B’riħet dan hu jidher ħafna aktar mil-bqija tat-tallaba l-oħra. Hu għandu moħħu tajjeb dejjem lest b’risposta meta xi ħadd jipprova jgħaddih biż- żmien. Issa nafu li dan kien qed joqgħod fuq dik l-għorna tal-loppju u li hu kien l- aħħar bniedem li ra ħaj ’il-ġentlom li qed infittxu.”
“Imma bniedem magħtub,” għedtlu, “x’seta’ jagħmel waħdu kontra bniedem fl-aqwa ta’ saħħtu?”
“Hu magħtub fis-sens li jzappap iżda fi ħwejjeġ oħra jidher bniedem f’saħħtu u jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Bla dubju, Watson, l-esperjenza medika tiegħek tgħidlek li jekk id jew sieq tkun dgħajfa, din tiġi kompensata b’saħħa kbira fl-oħra.”
“Jekk jogħġbok kompli għidli.”
“Mrs. St. Clair ħassha ħażin kif rat id-demm fuq il-ħoġor tat-tieqa u l-pulizija ħaduha d-dar għaliex hemmhekk kienet qed tfixklilhom l-istħarriġ. L-Ispettur Burton ħa l-każ f’idejh u reġa’ fittex fil-post b’reqqa kbira, iżda xorta ma sab xejn li seta’ jitfa’ dawl fuq dak li ġara. Żbaljaw meta ma arrestawx lil Boone fil-pront u b’hekk tawh ftit minuti fejn seta’ jitkellem ma’ sieħbu l-lascar. L-għelt malajr irranġawh għaliex inqabad u ġie mfittex iżda ma sabu xejn fuqu li seta’ jinkriminah. Tabilħaqq kien hemm xi marki tad-demm fuq il-komma tal-qmis iżda wrihom sebgħu fejn jitpoġġa ċ-ċurkett u qal li meta qata’ difru mess il-laħam u għalhekk kellu d-demm fuq il-qmis. Hu kompla jfiehem li d-demm fuq il-ħoġor tat- tieqa hu ta’ sebgħu wkoll għax mar fit-tieqa. Għal darba oħra ċaħad bil-qawwa li qatt ra lil Mr. Neville St. Clair u ħalef li l-ħwejjeġ tiegħu fil-kamra huma misteru għalih daqs kemm huma għall-Pulizija. Boone saħaq li Mrs. St. Clair, jew hija miġnuna jew kienet qed toħlom meta sostniet li rat lil żewġha fit-tieqa. Ħaduh l- għassa jipprotesta u għamel frattarija sħiħa sakemm qafluh. Fl-istess ħin l-Ispettur baqa’ fuq il-post bit-tama li l-lejl li kien riesaq iġib miegħu xi ħjiel ġdid.
Fil-fatt, għalkemm ma’ xatt ix-xmara ma sabux dak li beżgħu li ħa jsibu. Sabu l- kowt ta’ Neville St. Clair imma mhux lil Neville St. Clair. Il kowt instab hekk kif il- baħar reġa’ lura u l-art ixxuttat. U x’taħseb li sabu fil bwiet tal kowt?”
“M’għandix idea.”
Lip 06“Le, ma naħsibx li taqta’. Kull but tal kowt kien mimli soldi u nofs soldi – eżattament erba’ mija u għoxrin sold, u mitejn u sebgħin nofs sold (€140). Issa tifhem għaliex il-kowt tkaxkar mill-baħar. Iżda ġisem ta’ bniedem hu differenti. Bejn il-moll u d-dar hemm kurrent qawwi u allura jista’ jkun li l-kowt imtaqqal mill-muniti  baqa’ hemm, iżda l-ġisem mingħajr kowt inbela’ mix-xmara.”
“Imma kif fhimtek qabel, il-bqija ta’ ħwejġu kienu fil-kamra. Ġisem ikun liebes kowt biss?”
“Għandek raġun iżda din hija s-sensiela tal-fatti li jagħmlu storja plawsibbli. Ejja nissoponu li dan Boone waddab lil St. Clair mit-tieqa. Ħadd ma seta’ jara d-delitt isir. X’ħa jagħmel wara? Żgur li nduna li jrid jeħles mill-ħwejjeġ li jistgħu jinkriminawh. Mela, jaqbad il-kowt u kif ħa jwaddbu ’l-barra jinduna li dan hu ħafif wisq biex jegħreq. Għandu ftit ħin, bl-argument t’isfel meta Mrs. St. Clair għamlet ħilitha titla’ t taraġ, u forsi anki sar jaf minn Lascar li l-Pulizija kienu ftit bogħod mid-dar. Ma hemmx sekonda x’jitlef. Imur jiġri lejn xi ħażna sigrieta ta’ flus li kien ġemma’ mill-qligħ tax-xogħol tiegħu ta’ tallab. Jaqbad kemm jista’ jkun munuti u jimla l-bwiet tal-kowt ta’ St. Clair. B’hekk ikun żgur li dan jegħreq u jitfgħu ’l barra. Kien se jagħmel hekk bil-ħwejjeġ l-oħra wkoll kieku ma semax in- nies telgħin jiġru t-taraġ u kellu ħin biss jagħlaq it-tieqa hekk kif dehru l Pulizija.”
“Ċertament tagħmel sens.”
“Tajjeb, mela ejja ngħidu li sar hekk fin-nuqqas ta’ verżjoni oħra li tagħmel aktar sens. Boone, kif għedtlek, ġie arrestat u meħud l-għassa iżda ma kien hemm xejn x’juri li fl-imgħoddi tiegħu kien ħati ta’ xi reat. Għal snin kulħadd kien jafu bħala tallab professjonali iżda ħajtu kienet tidher kwieta u bla ħtija. Din hija l-qagħda s’issa. Dawn huma l punti  mħawwda li rridu nagħtu sens loġiku. Neville St. Clair x’kien qed jagħmel f’dik l-għorna tal-loppju? X’sar minnu meta kien hemm? Fejn jinsab issa? Hugh Boone x’kellu x’jaqsam mal-għejbien tiegħu? B’xorti ħażina dawn il-mistoqsijiet għad m’għandhomx tweġiba. Ngħidlek is sewwa fl-esperjenza tiegħi qatt ma niftakar każ li għall-ewwel deher daqshekk ħafif u issa qed joħloqli tant taħwid.”
Waqt li Sherlock Holmes qagħad jispjegali d-dettalji ta’ dan il każ uniku konna għadna nduru mat-truf ta’ Londra sakemm ħallejna l aħħar djar warajna u sibna ruħna fil-kampanja. Kif spiċċa jitkellem għaddejna minn żewġ irħula fejn wieħed seta’ jara dawl inemnem f’xi twieqi.
“Ninsabu fil-limiti ta’ Lee,” qalli Holmes. “Biex wasalna hawn għaddejna minn tliet reġjuni, bdejna f’Middlesex,(5) imbagħad għaddejna minn parti ta’ Surrey,(6) u issa qegħdin Kent. Qed tarah dak id-dawl qalb is siġar? Dak hu The Cedars u biswit il-lampa hemm mara ħerqana li diġà semgħet l-ħoss taż-żiemel tagħna.”
“Imma għaliex mhux qed tistħarreġ il-każ minn Baker Street?”
“Għaliex għandi bżonn nixtarr xi affarijiet fuq il post. Mrs. St. Clair ġentilment offrietli żewġ kmamar għall-użu personali tiegħi. Tista’ sserraħ rasek li ħa tilqgħek bi pjaċir. Nobgħod niltaqa’ magħha, Watson, meta m’għandi xejn x’ngħidilha fuq żewġha.”
Waqafna quddiem il-faċċata ta’ villa kbira mdawra b’medda wiesgħa ta’ art propjetà ta’ St. Clair. Tifel li jieħu ħsieb iż-żwiemel ħareġ jiġri mill-istalla. Jien inżilt u segwejt lil Holmes f’mogħdija miksija biż-żrar li tagħti għall villa. Kif konna qrib, il-bieb infetaħ beraħ u ħarġet mara żgħira xagħarha isfar liebsa xi ħaġa tax- xifon. Il-figura tagħha kienet qed tgħatti d-dawl tal-intrata. Kellha id-waħda fuq il- bieb u l-oħra nofsha mtellgħa b’xeħta ta’ waħda ħerqana, suritha kemm kemm mgħawġa, rasha u wiċċha sporġuti ’l barra, b’xufftejn miftuħa u għajnejn inkwetati. Kollox wera li kienet f’tensjoni kbira tistenna xi aħbar.
“Allura?” qaltlu, “allura?”
Meta rat li konna tnejn, għajtet għajta ta’ tama li spiċċat f’karba meta rat lil-sieħbi jxengel rasu u jerfa’ spallejh.
“M’hemmx aħbarijiet tajbin?”
“Xejn.”
“Lanqas ħżiena?”
“Le.”
“Niżżu ħajr lil Alla għal dan. Naħseb tinsab għajjien, kellek ġurnata twila.”
“Dan hu l-ħabib tiegħi, Dr Watson. Kien ta’ għajnuna kbira għalija f’bosta każi u b’xorti tajba stajt inġibu miegħi biex jingħaqad miegħi fl-istħarriġ.”
“Qed nieħu pjaċir narak,” qaltli waqt li ħaditli b’idejja. “Naħseb li taħfirli jekk l- arranġamenti mhumiex kif tixtieqhom. Tifhem x’inkwiet għandna b’dak li ġaralna ħabta u sabta.”
“Sinjura,” għedtilha, “jien suldat antik u għaddejt minn bosta battalji. Imma anki li ma kontx nista’ nara li ma hemm bżonn l-ebda apoloġija min naħa tiegħek. Jekk nista’ nkun ta’ għajnuna għalik jew għal-sieħbi nkun tabilħaqq kuntent.”
“Issa Mr Sherlock Holmes,” qaltlu l mara kif dħalna fil-kamra tal-ikel u rajna l- mejda lesta b’ikla kiesħa. “Nixtieq nistaqsik xi żewġ domandi  ħfief li għalihom nitolbok tagħtini tweġiba diretta u bla tlaqliq.”
“Iva, għidli Sinjura.”
Lip 07Tħabbilx rasek li tweġġagħli qalbi, m’iniex isterika u lanqas waħda li għal kull ħaġa ta’ xejn iħossha ħażin. Nixtieq mingħajr kliem żejjed inkun naf sinċerament int x’taħseb.”
“Fuq liema punt?”
“Fil-qalb ta’ qalbek, taħseb li Neville għadu ħaj?”
Sherlock Holmes deher mifxul bid domanda.
“Tigdibx miegħi!” saħqet, dritta fuq it-tapit u tħares ħerqana lejh hekk kif kien bilqiegħda f’pultruna tal-qasab
“Mela, fis sewwa ngħidlek li ma naħsibx.”
“Taħseb li hu mejjet?”
“Hekk naħseb.”
“Inqatel?”
“Ma għedtx hekk iżda jista’ jkun.”
“U f’liema ġurnata tilef ħajtu?”
“Nhar it-Tnejn.”
“Mela, Mr Holmes, forsi tieħu paċenzja bija u tkun ġentili tgħidli kif illum irċevejt din l-ittra mingħandu?”
Lip 08Holmes tar minn fuq il-pultruna qisu ħa xi qatgħa.
“X’inhu?” għajjat.
“Iva llum,” qaltlu bi tbissima bl-ittra f’idha.
“Nista’ naraha?”
“Dażgur.”
Ħatafhielha minn idha, għamilha fuq il-mejda, ġab lampa u flieha sew. Jien qomt minn fuq is-siġġu u ħarist minn wara spallejh. L-envelop kien wieħed ordinarju, ta’ kwalità ħażina, bit-timbru postali ta’ Gravesend, bid-data ta’ dik il-ġurnata, jew aħjar tal-ġurnata ta’ qabel għaliex nofsillejl kien ilu li daqq. L-envelop bl-indirizz kien fih envelop iżgħar ġo fih.
“Il kaligrafija xejn mhi pulita,” lissen Holmes. “Żgur mhux kif jikteb żewġek Sinjura.”
“Le, tabilħaqq. Imma l ittra l-oħra fl-envelop hi tiegħu.”
“Ikolli ngħid li min kiteb l-indirizz fuq l-envelop kellu jmur jistaqsi x’kien l indirizz.”
“Kif tista’ tgħid dan?”
“Kif qed tara l-isem hu miktub tajjeb b’inka sewda li issa nixfet. Il-bqija tal-indirizz hu ta’ lewn jagħti fil-griż. Dan juri li hawn intużat il-kartaxuga. Kieku kollox inkiteb f’daqqa u tnixxef bix-xuga xejn ma kien ikun iswed. Min kiteb l ittra, l- ewwel kiteb l-isem imma għadda l-ħin qabel inkiteb l indirizz. Dan ifisser li min imposta l-ittra ma kienx jaf l-indirizz. Tabilħaqq ċuċata iżda kif dejjem ngħid ma hemm xejn iżjed ta’ ħtieġa minn ċuċati meta tkun qed tistħarreġ. Ejja naraw l-ittra issa, ħa nara l envelop iż żgħir bin nota.”
“Iva, kif għedtlek u magħha kien hemm iċ-ċurkett tas-siġill tiegħu.”
Holmes fela sew in-nota u staqsieha, “Tabilħaqq temmen li din hi l-kaligrafija ta’ żewġek?”
“Waħda minnhom,” wieġbet Mrs St. Clair.
“Waħda minnhom?” staqsieha Holmes mifxul bit-tweġiba.
“Iva, dik hija l-kaligrafija tiegħu meta jikteb bil-ħeffa. Xejn m’għandha x’taqsam mill-kaligrafija li mdorri jikteb iżda jien nagħrafhom it-tnejn sew.”
In-nota kienet tgħid hekk:
‘Għażiża tiegħi, tibża’ xejn, kollox ħa jintemm b’wiċċ il-ġid. Sar għelt kbir li ser jieħu naqra żmien biex jissewwa. Ħu paċenzja u stenna. Neville.’
Din kienet miktuba fuq flyleaf (7) vojta maqtugħa minn ktieb ta’ qies octavo(8) u mingħajr watermark.(9)
“Hum! Impustata llum fi Gravesend minn raġel bil-belem maħmuġ. U l-envelop ingħalaq bir-riq, u jekk mhux sejjer żmerċ minn xi ħadd li jomgħod it-tabakk. Sinjura m’għandek ebda dubju li din in nota kitibha żewġek?”
“Xejn. Dik in-nota kitibha Neville.”
“U ntbagħtet llum minn Gravesend. Mela, Mrs St. Clair, l-ajru qed jiċċara ħafna għalkemm ma rridx nazzarda ngħid li l-għawġ għadda.”
“Mela żgur għadu ħaj, Mr Holmes.”
“Jekk din in-nota mhiex qarrieqa, xogħol xi ħadd jilħaqlu ħafna biex ifixkilna. Fil fatt iċ-ċurkett ma jfisser xejn, seta’ ħadhulu xi ħadd.”
“Le, le, il-kaligrafija hija tiegħu,” kompliet tisħaq bil-qawwa Mrs St. Clair.
“Kollox sew, iżda n-nota setgħet inkitbet nhar it-Tnejn u mpustata llum.”
“Jista’ jkun,” għedt.
“F’dan il-każ setgħu nqalgħu ħafna affarijiet.”
“Taqtagħlix qalbi Mr Holmes. Naf ċerta li jinsab qawwi u sħiħ. Teżisti rabta kbira bejnietna li żgur inkun naf jekk jinqalagħlu xi ħaġa. Fl-aħħar jum li rajtu qata’ subgħajh. Jien kont fil kamra tal ikel, tlaqt kollox minn idi u ġrejt fuq żgura li kien ġralu xi ħaġa. Taħseb li nagħmel hekk għal tentufa bħal dik u ma nħossx li żewġi hu mejjet?”
“Rajt ħafna biex ma nagħrafx il-fatt li l-intuwizzjoni ta’ mara tista’ tkun aktar siewja mill-opinjonijiet ta’ ħassieb analitiku. U din l-ittra hija xhieda soda li ssaħħaħ dak li temmen int. Iżda jekk żewġek hu ħaj u kitiblek l-ittra għaliex qed jibqa’ mifrud minnek?”
“Ma nistax nimmaġina. Lanqas naħsibha ma rrid.”
“Nhar it-Tnejn ma qallek xejn qabel ma telaq?”
“Xejn”
“Inħsadt li rajtu fi Swandam Lane?”
“Ħafna.”
“It-tieqa kienet miftuħa?”
“Iva”
“Mela seta’ għajjatlek.”
“Iva, seta’.”
“Iżda kif nista’ nifhem, għajjat xi ħaġa li ma fissret xejn.”
“Iva.”
“Jista’ jkun li ħsibt li kienet xi għajta għall-għajnuna?”
“Iva, beda jxejjer idejh.”
“Imma setgħet kienet għajta ta’ skantament. Forsi baqa’ miblugħ bid-dehra tiegħek mhux mistennija u tefa’ jdejh fuq rasu.”
“Għandu mnejn.”
“U inti ħsibt li ġie miġbud lura?”
“F’daqqa waħda ma deherx aktar.”
“Seta’ qabeż lura. Int ma rajt lil ħadd fil-kamra?”
“Le, imma dak il-bniedem tal-waħx stqarr li hu kien hemm u Lascar kien isfel fil- bidu tat-taraġ.”
“Sewwa qed tgħid. Ir-raġel tiegħek, skond kemm stajt tara int, ħareġ mid-dar bil- ħwejjeġ normali?”
“Iżda bla għonq u ingravata. Niftakar sew li rajtlu għonqu mikxuf.”
“Qatt tkellem fuq Swandam Lane?”
“Qatt.”
“Qatt wera xi sinjali li jieħu l-loppju?”
“Le, le, xejn minn dan.”
“Grazzi Mrs. St. Clair. Dawk huma l-punti ewlenin li akkost ta’ kollox ridt inkun naf sew. Issa bil-permess tiegħek nitrejqu ftit u wara nirtiraw għall-lejl. Għada għandna ġurnata xogħol mhux ħażin.”
Kellna sodda ta’ bi tnejn kbira u komda, u malajr dħalt taħt il-lożor. Kont għajjienLip 09 wara dak kollu li għaddejt minnu dik il-lejla. Mill banda l oħra Sherlock Holmes kien bniedem li meta jkollu quddiemu xi saram iebes li ma jkunx għadu sablu rkaptu, seta’ jibqa’ mqajjem mingħajr mistrieħ għal ġranet sħaħ, saħansitra ġimgħa sħiħa. Moħħu jkun medhi mhux fuq l-irqad iżda li jgħarbel il fatti li jaf u jħares lejn il-każ minn xejriet differenti sakemm isib xi tarf jew ikun ċert miegħu nnifsu li t-tagħrif li għandu hux biżżejjed jew le. Mill-ewwel indunajt li Holmes kien ser jgħaddi lejl imqajjem. Neħħa l-kowt u l-ġlekk, libes dressing gown kaħla u dar mal-kamra jiġbor l-imħaded minn fuq is sodda u s-sufan. B’dawn għamel qisu divan orjentali u ntefa’ fuqu b’saqajh imsallbin bil-borża tat-tabakk u kaxxa sulfarini quddiemu. Fid-dawl baxx tal-lampa rajtu bil-pipa f’ħalqu, għajnejh iħarsu ċassi lejn rokna fis-saqaf, bid-duħħan kaħlani jdur miegħu, sieket, mingħajr ma jiċċaqlaq bid-dawl jiddi fuq il-fattizzi Rumani tiegħu. Għajnejja marru bija u qomt maħsud b’għajta. Rajt id-dawl tax-xemx sajfija jiddi fl-appartament. Holmes kien għandu bil-pipa f’ħalqu u d-duħħan li mela l kamra bil-foga kien qed  iserrep mal-kamra. Mit tabakk li kellu l-jum ta’ qabel ma kien baqa’ xejn.
“Qomt Watson?” staqsieni.
“Iva,” irrispondejtu.
“Għandek aptit immorru dawra dalgħodu.”
“Mela le.”
“Mela ilbes. Ħadd fid-dar għadu ma qam, iżda naf fejn jorqod it-tifel li jieħu ħsieb l istalla u malajr ikollna l-karettun lest.”
Beda jidħak u meta tkellem għajnejh bdew ileqqu u deher bniedem differenti mill- ħassieb inkwetat tal-lejl ta’ qabel. Waqt li kont qed nilbes tajt daqqa ta’ għajn lejn l- arloġġ. Mhux ta’ b’xejn kulħadd kien għadu rieqed. Kienu biss l-erbgħa u ħamsa u għoxrin minuta. Bilkemm kont lest meta Holmes ġie lura u tarrafli li t-tifel kien qed jarma ż żiemel.
“Irrid nara kemm hi tajba t-teorija li għandi,” qalli waqt li libes iż żarbun. “Ikolli ngħid, Watson, li int qiegħed quddiem wieħed mill ikbar ċwieċ li hawn fl Ewropa. Jistħoqqli niġi mogħti bis-sieq minn hawn sa Charing Cross.(10) Fl-istess ħin naħseb li sibt iċ-ċavetta li tiftaħ beraħ din it taħbila tal-moħħ.”
“U fejn hi din iċ-ċavetta?” staqsejtu bi tbissima.
“Fil-kamra tal banju,” weġibni. “Iva, mhux qed niġbidlek saqajk,” tenna meta rani li ma kontx qed nemmnu. “Għadni kemm kont hemm u ħadtha, u issa qiegħda fil bagalja tal-ġilda. Ejja, sieħbi, ħa naraw jekk din iċ-ċavetta taqbilx mas-serratura.”
Inżilna isfel fis-skiet u ħriġna barra fid-dawl tax xemx. Kien hemm iż-żiemel u l- karettun jistennewna mat-tifel tal-istalla li kien nofsu liebes. Tlajna niġru fuq il- karettun u tlaqna sparati lejn Londra. Aħna u sejrin rajna karettuni oħra bil-ħaxix u frott bħalna fi triqithom lejn il-metropoli. Iżda l-vilel fuq kull naħa tat-triq kienu siekta u bla ħajja qishom xi belt f’ħolma.
“Il każ kellu xejriet mhux tas-soltu,” qalli Holmes, jixpruna ż-żiemel għall-gallopp. “Ngħid is-sewwa kont għama daqs talpa.(11) Imma aħjar titgħallem tard milli qatt.”
F’Lee, fit-twieqi rajt li dawk li qamu kmieni kienu għandhom bi ngħas. Soqna lejn in-naħa ta’ Surrey, inżilna lejn il pont ta’ Waterloo, qsamna x-xmara, dorna bil- ħeffa lejn il-lemin u dħalna f’Wellington Street. Hekk kif ħriġna minnha sibna ruħna f’Bow Street.(12) Sherlock Holmes kien magħruf sew mal-Pulizija, u żewġ kuntistabbli li kienu mal-bieb sellmulu. Wieħed żamm iż żiemel u l ieħor uriena t triq.
“Min hu għassa?” staqsa Holmes.
“L Ispettur Bradstreet, Sir.”
“Hawn hu. Kif int?”
Uffiċjal twil u qawwi niżel il-passaġġ magħmul minn ċangaturi żgħar tal-ġebel, b’beritta bil-pizz u ġlekk.
“Għandi bżonn inkellmek Bradstreet.”
“Mela le, Mr Holmes. Għaddu fl uffiċċju tiegħi.”
L-uffiċċju kien kemxejn żgħir u fuq l-iskrivanija kien hemm reġistru kbir u telefon imdendel mal-ħajt. L-Ispettur poġġa wara l-iskrivanija.
“Kif nista’ ngħinek Mr Holmes?”
“Ġejt dwar dak it-tallab Boone, dak li ġie mixli li kellu x’jaqsam mal-għejbien ta’ Mr Neville St. Clair li joqgħod Lee.”
“Iva ġabuh hawn u żammewh għal aktar stħarriġ.”
“Hekk smajt. Għadu hawn?”
“Fiċ-ċella.”
“Kif qed iġib ruħu?”
“Kwiet għax ma jaqlax inkwiet. Iżda kemm hu maħmuġ ħej!”
“Maħmuġ?”
“Ħafna. Ikollna biċċa xogħol biex inġegħluh jaħsel idejh u wiċċu, u iswed daqs landier. Meta l-każ jinqata’ l ewwel ma nagħmlu hu nagħtuh bajnu kif imiss. Naħseb kieku tarah taqbel miegħi li għandu bżonn wieħed mill-aktar fis.”
“Nixtieq ħafna narah,” qallu Holmes.
“Trid tarah? Mela le, nista’ naqdik mingħajr xkiel. Ejja miegħi. Tista’ tħalli l-bagalja hawn.”
“Jekk ma jimpurtax neħodha miegħi.”
“Tajjeb ħafna. Għaddi minn hawn jekk jogħġbok.”
Għaddiena minn kuritur, fetaħ bieb, inżilna garigor u sibna ruħna f’passaġġ imbajjad b’ringiela bibien fuq kull-naħa.
“Iċ ċella ta’ Boone hija t tielet waħda fuq il-lemin,” qalilna l-Ispettur.
“Hawn hi ċ-ċella tiegħu!”
Malajr fetaħ it tieqa żgħira li jkollhom il bibien taċ ċelel u ta daqqa ta’ għajn ġewwa.
“Rieqed,” qallu lil Holmes, “tista’ tarah sew.”
Lip 10It-tnejn ħarisna mit-tieqa tal-bieb. Il-priġunier kien mimdud wiċċu lejna, rieqed fil fond, jieħu n-nifs bil-mod imma u fil-fond. Kien raġel ta’ tul medju, liebes zmattat bħat-tallab li kien, bi qmis kulurita ħierġa ’l barra minn fetqa li kellu fil- ġlekk imċerċer li kien liebes. Kif qal l-Ispettur kien maħmuġ ħafna iżda l-ħmieġ li kellu ma setax jogħstor l-kruha ta’ wiċċu. Kellu farrett minn xi ferita antika li minn għajnu kien jasal sa geddumu. Il-farrett kien jiġbed xofftu ta’ fuq lejn imnieħru, u   b’hekk kellu tliet sinniet dejjem jidhru tant li wiċċu kellu dehra ta’ rabja, qisu xi kelb qed jheżżeż snienu. Xagħru ġinġer kien imħabbel u twil u għattielu ġbinu u għajnejh.
“Ara x’għaxqa Mr Holmes,” qal Bradstreet bi tbissima.
“Tabilħaqq għandu bżonn ħasla,” qallu Holmes. “Issoponejt li kien ħa jkollu bżonn għarka sew, u ħadt il-libertà li nġib l-għodda miegħi.”
Fetaħ il-bagalja u waqt li tkellem, b’sorpriża kbira tagħna, ħareġ sponża kbira tal- banju.
“Tħobb tiċċajta,” qallu l Ispettur.
“Lanqas xejn, issa jekk ikollok il-ġentilezza li tiftaħ il-bieb bil-kwiet kemm jista’ jkun malajr nagħmlu jidher ferm aħjar u aktar rispettabbli,” irrispondieh Holmes.
“Għaliex le?” qal l-Ispettur. “Raġel f’dik is sura ma tantx jagħti isem tajjeb lil ċella ta’ Bow Street, hux veru?”
Daħħal iċ-ċavetta fis-serratura, fetaħ il-bieb bil-mod u dħalna nkiss inkiss fiċ-ċella. Dak il-ħin il-priġunier dar iżda xorta kien għadu rieqed fil-fond. Holmes tbaxxa ħdejn il-buqar tal-ilma, xarrab l-isponża, u beda jogħrok wiċċ il-priġunier bis saħħa.
“Nixtieq nintroduċilkom,” għajjat Holmes waqt li kompla jogħrok, “lil Mr Neville St. Clair minn Kent”.
F’ħajti qatt ma rajt dehra bħal dik. Il-wiċċ ta’ dak ir raġel taħt l-isponża beda jitqaxxar qisu l-qoxra ta’ siġra. Spiċċa l-kulur kannella maħmuġ! Telaq dak il- farrett terribbli li qasamlu wiċċu fi tnejn! Ma rajtx aktar dik ix-xoffa mgħollija ’l- fuq li kienet tagħtih dik id-dehra ta’ korla! Mossa waħda ta’ Holmes u x xagħar imħabbel u ġinġer inqala’. Hemm, bilqiegħda fuq is-sodda, kien hemm raġel mibdul b’xagħar iswed u ġilda lixxa, b’wiċċ ta’ dwejjaq abjad karti, jogħrok għajnejh, iħares madwaru mħawwad nofsu bi ngħas. Imbagħad kif intebaħ li nkixef werżaq twerżiqa u ntefa’ fuq is-sodda wiċċu mal-imħadda.
“Il-marelli u l-kobob!” għajjat l Ispettur, “tabilħaqq hu r raġel mitluf. Qed nagħrfu mir-ritratt.”
Il priġunier dar b’arja ta’ wieħed li jiġi jaqa’ u jqum minn kollox u li ħalla ruħu f’idejn id-destin. “Mela hekk għandu jkun,” qalilna. “U jekk jogħġbok, Spettur, Lip 11b’liema reat jien mixli?”
“Li qtilt lil Mr Neville St. Clair?! U ejja ma tistax tkun akkużat b’dan … jew forsi b’attentat ta’ suwiċidju?” qallu l Ispettur bi tbissima. “Insomma, ili sebgħa u għoxrin sena fis-servizz iżda qatt ma nzertajt każ bħal dan. Mhux biss rari iżda uniku.”
“Mela jekk jiena Mr Neville St. Clair, hu ovvju li ma wettaqt l-ebda reat u allura kont qiegħed arrestat kontra l liġi.”
“Tassew li ma sar l-ebda reat u twettaq żball kbir,” qal Holmes. “Kont tagħmel ħafna aħjar kieku fdajt lil-martek.”
“Mhux marti iżda t-tfal,” karab il-priġunier. “Fuq ġurament ma ridtx li t-tfal ikunu jistħu jgħidu min hu missierhom. Alla ħanin! Kif ħa joħroġ kollox fil-beraħ! X’ħa naqbad nagħmel?”
Sherlock Holmes poġġa ħdejh u taptaplu fuq spalltu.
“Jekk tħalli f’idejn il-qorti forsi jitranġa kollox,” qallu. “Tassew li ma tkunx tista’ teħles milli jsir jaf ċikku l-poplu imma min naħa l-oħra jekk jirnexxielek iġġiegħel lill-Pulizija jemmnu li qed tgħid is sewwa ma hemm ebda każ kontrik. Ma narax għaliex id-dettalji tal-każ għandhom isibu ruħhom fil gazzetti. L Ispettur Bradstreet żgur li jieħu nota ta’ dak li tgħidilna u jgħaddihom lill-awtoritajiet kompetenti. Il-każ b’hekk ma jasal qatt biex jinstema’ f’qorti.”
“Alla jbierkek!” għajjat eċitat. “Kont lest li nsofri kull kastig, saħansitra l-mewt, milli nħalli s-sigriet miżerabbli tiegħi jkun tebgħa fuq uliedi.”
“Intom tal-ewwel li ħa tisimgħu l-ġrajja tiegħi. Missieri kien għalliem f’Chesterfield minn fejn ħadt edukazzjoni mill aqwa. F’żgħożiti vvjaġġajt ħafna u fl-aħħar sirt korrispondent ta’ ġurnal ta’ filgħaxija f’Londra. Darba minnhom l-editur xtaqni li nagħmel sensiela ta’ artikli fuq it-tallaba ġewwa l-metropoli. Minn hemm bdew l- avventuri tiegħi. Kien biss bħala tallab dilettant li stajt niġbor il-fatti għall-artikli li kont qed nikteb. Minħabba l-fatt illi kont attur dilettant tgħallimt is-sigrieti tal- irtokk, tant li l-ħila tiegħi saret magħrufa sew fil kmamar  l-ħodor.(13) Dan kien ta’ għajnuna għalija, żbajt wiċċi u għamiltu wieħed ikrah u fl istess ħin li jġib ħniena. Għamilt farrett u għawwiġt naħa waħda ta’ xoffti bis-saħħa ta’ naqra kolla lewn il- laħam. Ilbist parrokka tax-xagħar ġinġer u ħwejjeġ ta’ tallab, u bdejt inpoġġi fl- iżjed parti attiva u movimentata tal-Belt, suppost inbiegħ is-sulfarini iżda fil fatt bħala tallab. Għal seba’ sigħat sħaħ kont fuq xogħli. Meta filgħaxija mort lura d dar bla ħsieb sibt li kont ġbart sitta u għoxrin xelin, u erba’ soldi. (€80.55)
Ktibt l-artikli li kelli nikteb u kollox spiċċa hemm. Xi ftit taż-żmien wara dħalt garanti(14) għal xi dejn li kellu ħabib tiegħi u wara ftit irċevejt mandat(15) ta’ ħamsa u għoxrin lira sterlina (€1,200). Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel biex inġib dawk il-flus imma malajr ġietni idea. Tlabt lil min kellu jieħu l-flus jistenna ħmistax-il ġurnata u ħadt ftit ġranet frank mix-xogħol. Dan iż-żmien għaddejtu nittallab liebes ta’ tallab bil farrett b’kollox. F’għaxart ijiem kelli flus biżżejjed biex iħallas id dejn.
Lip 12Bdejt naħseb  kemm naħdem iebes għal żewġ liri fil-ġimgħa, meta stajt naqla’ daqshekk f’ġurnata waħda billi nċappas wiċċi bi ftit żebgħa, inpoġġi mal-art bil- beritta quddiemi u ma nagħmel xejn. Kien hemm taqbida kbira fil-kuxjenza tiegħi bejn is-sens ta’ dinjita u flus sakemm dawn tal-aħħar rebħu. Tlaqt ix-xogħol ta’ korrispondent u poġġejt jum wara l-ieħor f’dik ir-rokna li fiha bdejt. Kont inġib ħniena b’dak il wiċċ terribbli u nimla l-bwiet bis-soldi. Bniedem wieħed biss kien jaf is-sigriet tiegħi.  Dan hu Lascar li jieħu ħsieb dik l-għorna tal-loppju li kont nuża ġewwa Swandami. Kont inħallsu tajjeb ħafna biex nuża l-kmamar ta’ fuq. Bil-flus li kont nagħtih kont naf li s-sigriet tiegħi kien fiż-żgur. Kull filgħodu kont nidħol pulit, nagħmel l-irtokk, inbiddel u noħroġ tallab, u filgħaxija viċeversa.
Insomma fi żmien qasir sibt li kont qed inġemma’ somom kbar ta’ flus. Mhux qed ngħid li kull tallab fit-toroq ta’ Londra seta’ jaqla’ seba’ mitt lira fis sena li hu inqas mill medja li naqla jien’ – iżda jien kelli bosta vantaġġi fil-ħila tal-irtokk u kapaċi   nitkellem u nagħti risposti f’waqthom, li tjiebu aktar ma prattikajthom. Bis-saħħa ta’ hekk sirt karattru magħruf f’Londra u kuljum nixxiegħa ta’ soldi u xi fidda ’l hinn u ’l hawn kienet tinżel fuqi. Kont immur ħażin meta ma kontx niġbor żewġ liri.
Hekk kif bdejt nistagħna sirt aktar ambizzjuż. Xtrajt dar fil-kampanja u fl-aħħar iżżewwiġt mingħajr ħadd ma ta kas tal-ħidma tiegħi. Marti l-għażiża kienet taf li kelli xi negozju fis-City imma ma kinitx taf x’kien.
It-Tnejn li għadda kont spiċċajt u kont qed nilbes fil-kamra fuq l-għorna meta ħarist barra t tieqa, u rajt b’biża’ kbir u skantament lil marti fit-triq b’għajnejha jħarsu ċassi lejja. Għajjat għajta bil-qatgħa li ħadt u għollejt idejja biex ngħatti wiċċi. Tlaqt niġri lejn sieħbi l-Lascar nitolbu bil-ħerqa biex ma jħalli lil ħadd jitla’ fil-kamra. Smajt leħinha isfel iżda kont moħħi mistrieħ li ma setgħetx titla’ fuq. Malajr malajr inżajt il-ħwejjeġ, ilbist dawk ta’ tallab, u erġajt inżbajt u lbist il- parrokka. Anki l-għajnejn ta’ marti ma setgħux jagħrfu lil żewġha mgħammar hekk. Ġie f’rasi li seta’ jkun hemm tfittxija tal-kamra u li l-ħwejjeġ kienu ħa jikxfuni. Ftaħt it-tieqa bis saħħa tant li għamilt qatgħa żgħira f’subgħajja u qbadt il- kowt li kien tqil bil muniti li kont tfajt minn borża tal-ġilda fejn kont inżomm il- qligħ. Tfajt il-kowt bil-muniti barra t-tieqa u ma deherx aktar fl-ilma tat-Thames. Kont nitfa’ wkoll il-ħwejjeġ l-oħra iżda dak il ħin il-Pulizija kienu telgħin jiġru t- taraġ. Serraħt naqra rasi meta minflok għarfuni bħala Neville St. Clair arrestawni bħala l-qattiel tiegħu.
Ma nafx li hemm iżjed xi ngħid. Kelli fehma soda li nżomm il-kostum u l-irtokk fit- tul kemm jista’ jkun u għalhekk ridt li wiċċi jibqa’ maħmuġ. Kont naf li marti kienet ser tinkwieta u għalhekk neħħejt iċ-ċurkett. Meta ħadd ma kien qed iħares tajtu lil Lascar, flimkien ma’ nota miktuba malajr malajr biex ngħidilha li ma kellha xejn x’tinkwieta.”
“Dik in-nota waslet għandha lbieraħ,” qallu Holmes.
“Alla ħanin! X’ġimgħa għaddiet miskina.”
“Il-Pulizija kien qed jgħassu lil Lascar,” qallu l Ispettur Bradstreet, “u nista’ nifhem li dak li jkun jista’ jsibha diffiċli jimposta ittra mingħajr ħadd ma jarah. Ikolli ngħid għaddieha lil xi baħri klijent tiegħu, li nesieha għal xi jiem.”
“Hekk hu, sewwa qed tgħid Spettur,” qallu Holmes. “Ibqa’ ċert li hekk ġara. Allura qatt ma ħarrkuk għax tallab?”
“Bosta drabi, imma x’kienet multa għalija?”
“Imma issa kollox irid jieqaf hawn,” qallu Bradstreet. “Jekk il Pulizija ħa jżommu kollox kwiet, Hugh Boone irid joħroġ mix xena għal dejjem.”
“Ħlift dan bl-aktar ġurament solenni li bniedem jista’ jieħu.”
“F’dak il-każ naħseb li għandu mnejn li min naħa tagħna kollox jibqa’ kwiet. Iżda jekk naqbduk darb’oħra kollox ikollu joħroġ fil-beraħ. Mr Holmes, ninsabu grati lejk li sibtilna tarf din il-biċċa. Nixtieq inkun naf kif wasalt biex indunajt b’kollox.”
“Għamilt dan,” qallu sieħbi “billi poġġejt fuq ħames imħaded u pejjipt pipa b’daqs uqija tabakk pur. Watson, naħseb jekk insuqu lejn Baker Street inkunu fil-ħin għall kolazzjon.”

——————————————————————————————————–

Noti ta’ l-aħħar
1. De Quincey: Thomas Penson De Quincy (1785 – 1859). Kien traduttur u kittieb ta’ essays. L-aktar xogħol famuż tiegħu hu ‘Confessions of an English Opium Eater’ miktub fl-1821. Ħafna huma tal-fehma li b’dan ix xogħol hu daħħal it-tema tal- vizzju tal-droga fil-letteratura tal Punent.
2. Laudanum: Hi taħlita ta’ 10% trab tal-loppju daqs 1% morfina. Ta’ kulur aħmar jagħti fil-kannella. Fih l-alkaloids tal-loppju bħall-morfina u l-codeine. Peress illi fil-laudanum il-konċentrazzjoni tal-morfina hija għolja, din is-sustanza titqies bħala narkotiku qawwi, li traqqad il-moħħ u bqija tal-ġisem. Fl-imgħoddi kien jintuża biex suppost ifejjaq numru ta’ mard iżda l-użu prinċipali tiegħu kien biex itaffi l-uġigħ u jikkalma s-sogħla. Sa kmieni fis-seklu 20 il-laudanum kien jinbiegħ mingħajr riċetta tat-tabib u kien jinsab f’ħafna mediċini. Illum il- laudanum hu meqjus bħala sustanza li tista’ twassal għal-dipendenza (addiction) u vizzju bħad-drogi oħra. Konsegwentament madwar id-dinja il-laudanum hu strettament ikkontrollat.
3. Għorna tal-Loppju: Bl-Ingliż Opium Den. Post minn fejn wieħed jixtri u joqgħod ipejjep il-loppju. Dawn id-djar kienu mxerrdin mad-dinja kollha fosthom fiċ-Ċina, fix-Xlokk tal-Asja, fl-Amerika ta’ Fuq, u fl-Ewropa l-aktar Franza u l- Ingilterra. Dawn il-postijiet tal-loppju kienu jitmexxew miċ-Ċiniżi (min dak il-pajjiz kien jiġi l-aktar loppju. Post ieħor min fejn kien jiġi l-loppju kien l-Indja). Dawn li jmexxu l- għorni kellhom bosta tipi ta’ għodda biex jippreparaw  il-loppju. għat- tipjip. Kellhom pipi speċjali u lampi biex il-loppju jkun jista’ jitpejjep. Min kien imur fihom kien jimtedd biex iżomm il-pipa twila u l-lampa li kienet issaħħan il-loppju li kien isir duħħan u jkun jista’ jitpejjep minn bokkin twil. Ħafna jaħsbu li Londra kienet ċentru tat-teħid tal-loppju, speċjalment il-parti tal Lvant li kienet l- aktar parti fqira ta’ dik il-belt, kollha slums u miżerja. F’din il parti kienu jgħixu komunitajiet Ċiniżi. Din ir-reputazzjoni hi frott tal-kittieba Ingliżi li fis-seklu 17 u 18 pinġew il-Lvant ta’ Londra mimli għorniet tal loppju u nies fqar jew mill-agħar. .
4. Lascar: Bahri jew suldati li origina mill-Indja u nħawi tal-madwar. Il-kelma tfisser kamp militar-. Mis-seklu sittax sas-seklu għoxrin kienu jigu impjegati fuq bastiementi Ewropej. Il-kelma lascar originat mill-Portugiz li kellhom il-kelma lascarim li kienet appuntu tfisser xi Indjan li hu bahri jew suldat. Aktar ‘l-quddiem lascar bdiet tfisser ukoll qaddej Indjan.
5. Kent: Reġjun fix-Xlokk tal-Ingilterra. Kent għandu fruntiera nominali a’ Pas de Calais fi Franza għaliex iċ-Channel Tunnel jibda minn Kent u jasal Calais. Dan ir- reġjun imiss ukoll ma’ dak ta’ Essex fejn ix-xmara Thames tmiss mal-Atlantiku. Kent imiss ukoll ma’ Greater London fuq in naħa tal-Majjistral u l-Lvant ta’ Sussex. Peress illi wieħed jista’ jqis lil Kent bħala l-fruntiera bejn l-Ingilterra u l-Ewropa, dan ir reġjun fi żmien ta’ gwerra dejjem sab ruħu fil-qalba ta’ azzjonijiet militari.
6. Middlesex: Hu reġjun storiku fix-Xlokk tal-Ingilterra li jagħmel parti mill-hekk imsejħa Greater London, li hija l-parti ċentrali ta’ Londra fejn hemm il-parti amministrattiva u ċerimonjali tal-Belt. Fl antik, Middlesex kienet tinkludi x-xmara Thames li taqsam Londra fi-tnejn. Il-parti tat Thames li tgħaddi minn Middlesex hi 4.8km fil-Lvant u 27km fil-Punent ta’ Londra. Minn Middlesex jgħaddu wkoll ix-xmajjar Colne u Lea, li flimkien ma’ sensiela ta’ għoljiet jiffurmaw il-limiti ta’ dan ir-reġjun. L-art hija ċatta bil-parti ta’ fuq tafal u dik ta’ isfel żrar.
7. Surrey: Reġjun ieħor fix-Xlokk tal Ingilterra li jmiss ukoll ma’ Greater London min naħa tat-Tramuntana u n naħa tal-Majjistral.
8. Flyleaf: Paġna vojta li tiġi wara l qoxra tal-ktieb jew qabel il-qoxra ta’ wara.
9. Octavo : Il-qies tal-karta ta’ ktieb. Din bejn wieħed u ieħor hija 25.5cm tul u 20.32cm wisa’.
10. Watermark: Din tista’ tkun disinn jew sinjal fil-karta. Biex din tidher il-karta triq tiġi mpoġġija qrib id-dawl. Jekk il-karta tkun fuq xi mejda jew xi mkien fejn ma hemmx dawl qawwi l-watermark ma tidhirx.
11. Charing Cross: Wieħed mill-akbar u l-aktar stazzjonijiet famużi tal-ferrovija  f’Londra. Jinsab fiċ-ċentru ta’ Londra ftit ’l-isfel minn Trafalgar Square.
12. Talpa: Bl-Ingliż mole. Annimal żgħir li jgħix taħt l-art. Maż-żmien, peress illi ma jużax il-vista, sar ma jarax.
13. Bow Street: Għandha konnessjoni mat-twaqqif tal-ewwel Korp organizzat tal-Pulizija ġewwa Londra. Dan appuntu twaqqaf f’Bow Street fl-1749. Għall-ewwel il Korp kien jgħodd sitt membri biss. Beda f’Bow Street għaliex kien hemm uffiċċju tal-maġistrat li  kellu nies impjegati miegħu biex iżommu l-ordni. Dawn kienu jgħidulhom Bow Street runners. Ma kinux jieħdu pjaċir b’dan il- laqam. Il-pulizija ta’ Bow Street intemmu għall-ħabta tal-1830 meta twaqqfet il- Metropolitan Division, magħrufa aħjar bħala Scotland Yard.
14. Il-kamra l ħadra: Dik il kamra jew spazju f’teatru fejn joqogħdu jistennew l atturi qabel jidħlu fix xena. Din isservi ta’ salott mhux biss għal dawk li qed jistennew iżda anki għal dawk li jkunu lesti minn fuq il-palk. Waqt l -ispettaklu dawk fil-kamra l-ħadra joqogħdu jpaċpċu, u jkun hemm min jagħmel l -irtokk. Jgħidulha l-kamra l-ħadra għaliex jingħad li fl-imgħoddi dawn il-kmamar kienu jinżebgħu ħodor. Dan mhux il-każ fiż-żmien tal-lum.
15. Tagħmel garanti: Meta xi ħadd jissellef xi flus dak li jkun irid ikollu xi ħaġa biex jagħmilha garanzija f’każ li dan ma jasalx biex iħallas dak li jkun issellef. Din tista’ tkun propjetà jew somma flus li tammonta għal aktar mill-flus mislufa. Il-propjetà jew il-flus jiġu  ipotekati u min jissellef il-flus ma jkunx jista’ jmisshom. F’ċerti każi meta min jissellef ma jkollux propjetà jew flus bħala garanzija, jidħol xi ħadd biex jagħmillu garanti. Min jagħmel garanti jrid jagħti l-kelma tiegħu li jekk min issellef ma jasalx biex iħallas, il garanti lest iħallashom hu minfloku.
16. Mandat: Dokument li joħroġ mill qorti, li bih jiġi ordnat l-arrest ta’ xi ħadd jew is-sekwestru (toħodlu) ta’ xi propjetà jew flus, u ordnijiet varji li dak li jkun irid jibqa’ jew jiġi arrestat

_________________________________________________________