5 – Il-ħames żrieragħ tal-larinġ

Meta nagħti daqqa ta’ għajn lejn in-noti tal-ġrajjiet ta’ Sherlock Holmes bejn it-’82 u d-90 insib li għandi ħafna li jġiegħlu lil dak li jkun jaħseb, u oħrajn li ma tifhimhomx malajr. Insibha bi tqila liema nagħżel u liema nwarrab Xi wħud diġà huma magħrufin mal-pubbliku b’riħet il-ġurnali. Hemm oħrajn bla sugu għax fihom sieħbi ma kellux fejn juri t-talenti kbar tiegħu, u l-għan ewlieni għaliex nikteb dawn il-ġrajjiet hu sewwasew biex nuri l-ħila investigattiva tiegħu. Hemm okkażjonijiet meta l-ħila ġiet sfdata sew  tiegħu fl istħarriġ ġiet sfdata sew. Dawn għalkemm bħala stejjer kellhom bidu, kienu nieqsa minn tmiem. Hemm każi li kienu bla konklużjoni u fl aħħar is-soluzzjoni ma kinitx frott ta’ ħsieb loġiku iżda ta’ tbassir jew spekulazzjoni. Fost dawn hemm każ li tant għandu xejriet straordinarji u t-tmiem tiegħu tant hu tal-għaġeb li qed tiġini l-ħajra nirrakkontah minkejja l-fatt li fih hemm tliet traċċi li jidher li qatt ħadd mhu ħa jirnexxielu jifhimhom għalkollox.
Għandi noti oħra ta’ numru ta’ każi li seħħew fis sena 1887, uħud ta’ interess u oħrajn inqas. Fost dawn il-każi li ġew f’idejja hemm il-każ tas-Soċjetà Amatorjali tat-Tallaba li kienet tiltaqa’ taħt maħżen f’kantina b’saqaf forma ta’ troll u li fiha kienu jagħmlu riċevimenti lussużi. Każ ieħor kien l-għejbien tal bastiment Ingliż Sophy Anderson, jew l-avventura stramba ta’ Grace Patterson fuq il-gżira Uffa, u fl aħħar hemm l-avvelenament ta’ Camberwell. F’dan il-każ, kif wieħed jista’ jiftakar, Holmes solva kollox bil ħabel tal-arloġġ tal-mejjet meta wera li l-arloġġ kien ingħata l-ħabel sagħtejn qabel id-delitt, li kien ifisser li l-vittma kien fis-sodda dak il-ħin. Din kienet sejba importanti ħafna biex jissolva l-każ. Dawn kollha għad nagħti aktar ħjiel tagħhom fil-ġejjieni. Iżda dawn il-każi m’għadhomx punti li jiddistingwuhom u strambi daqs din is-sensiela ta’ ġrajjiet li ħa nirrakkontalkom.
Kienu l-aħħar ġranet ta’ Settembru, u l-irwiefen ekwatorjali bdew jonfħu b’saħħa tal-għaġeb. Dakinhar ir-riħ venven il-jum kollu u t-tektik tax-xita fuq it-twieqi ma qata’ xejn. Tant in-natura wriet il-qilla tagħha li anki aħna fil-qalb kbira u materjalista ta’ Londra kellna bilfors ninsew għal-ftit id-drawwiet tal-ħajja ta’ kuljum u nieqfu biex nisimgħu t twerżiq tal-elementi naturali lejn l umanità, mill iżbarri taċ ċiviltà, qishom bhejjem feroċi ġewwa gaġġa. Kif dalam il-maltempata kompliet ikkargat ruħha aktar u r-riħ fiċ-ċumnija beda jwerżaq qisu xi tarbija. Sherlock Holmes qagħad bil-buli ħdejn il-fuklar ipoġġi n-noti tal-indiċi tad-delitti f’ordni. Jien kont in-naħa l-oħra mitluf fi storja sabiħa tal-baħar ta’ Clark Russell,(1) sakemm it-tvenvin tar-riefnu mwaħħad mal-kliem u t-traxxix tax-xita bdejt nistħajlu bħala l-ħoss tal-mewġ tal-baħar. Kont qed ngħaddi xi jiem għand Sherlock Holmes għaliex marti marret iżżur lil zijitha.
“Ikolli ngħid smajt il qanpiena,” għedt lil Holmes, “żgur li kienet il-qanpiena. Min jista’ jkun dan il-ħin? Forsi xi ħbieb tiegħek?”
“M’għandix ħbieb ħlief lilek,” weġibni. “Ma tantx inħajjar nies jiġu jżuruni.”
“Mela xi klijent?”
“Jekk hu hekk dan hu xi każ serju. F’jum bħal dan u f’dan il-ħin xejn inqas minn xi ħaġa ta’ għawġ kbir iġġiegħel bniedem joħroġ barra f’temp ta’ din ix-xorta. Imma iżjed naħseb li hija xi ħabiba ta’ Mrs Hudson.”
Holmes ħaseb ħażin għaliex smajna lil xi ħadd tiela’ t-taraġ u jħabbat il-bieb. Holmes ġebbed idu biex idawwar il-lampa lejn il-pultruna vojta fejn kien ser ipoġġi min ġie jżurna.
“Għaddi,” qallu Holmes.
Daħal żagħżugħ ta’ xi tnejn u għoxrin sena, li tani ħjiel ta’ wieħed li jieħu ħsieb sew 5pips 01id-dehra u l-indafa tiegħu. Kien liebes b’mod pulit. L-imġiba tiegħu kienet xhieda ta’ edukazzjoni u ħlewwa. L-umbrella mxarrba għasra li kellu f’idejh u l-inċirata tleqq li kien liebes urew li kellu jgħaddi minn temp qalil biex jasal għandna. Waqt li ħares lejn id dawl tal-lampa ndunajt li kien inkwetat, wiċċu pallidu, u għajnejh tqal qishom ta’ xi ħadd li hu maħkum minn inkwiet kbir.
“Ikolli nitlobkom skuża,” qalilna waqt li poġġa l-pince-nez fuq imnieħru. “Nispera li ma ġejtx ħin ħażin. Jiddispjaċini li ġibt sinjali tal-maltemp u xita f’din il kamra komda tagħkom.”
“Agħtini l-inċirata u-l umbrella,” qallu Holmes. “Nistgħu ndendluhom mal-ganċ u malajr jinxfu. Qed nifhem li ġejt mil-lbiċ tal-pajjiż.”
“Iva, minn Horsham.”
“Dik it-taħlita ta’ tafal u ġibs li qed nara fuq il-ponot taż żarbun tiegħek hija xhieda ta’ dan.”
“Ġejt għal parir …”
“Dak nista’ nagħtihulek mingħajr ebda problema.”
“… u għajnuna.”
“Dik hi daqsxejn problematika.”
“Smajt bik, Mr Holmes, mill-Maġġur Prendergast kif ħlistu mill-iskandlu tat- Tankerville Club.”
“U dażgur. Ġie mixli b’mod falz li qarraq waqt logħba karti.”
“Qalli li tista’ ssib tarf ta’ kollox.”
“Qallek hekk, eh?”
“Li qatt ma fallejt jew tlift.”
“Fil-fatt ġejt milgħub erba’ darbiet – tliet darbiet minn irġiel u darba minn mara.”
“Imma dawn ma jfissru xejn man-numru ta’ suċċessi li kellek.”
“Hu fatt li kważi dejjem ilħaqt l-għanijiet tiegħi.”
“Mela tista’ tilħqu miegħi ukoll.”
“Jekk jogħġbok ressaq il-pultruna ħdejn in nar u agħmilli pjaċir agħtini ħjiel ta’ x’ġabek hawn.”
“Mhijiex xi ħaġa tas-soltu.”
“Ħadd ma jiġi għandi bi ħwejjeġ tas-soltu. Jien l-aħħar qorti tal-appell.”
“Iżda fl-istess ħin ma nafx kemm bl-esperjenza kollha tiegħek qattx smajt b’sensiela ta’ ġrajjiet ta’ għawġ, misterjużi u bla tifsira li ġraw lill familja tiegħi.”
“Qed tqajjem fija interess kbir,” qallu Holmes. “Jekk jogħġbok spjega l-fatti ewlenin mill bidu, u wara nagħmillek xi domandi dwar punti li nħoss li huma ta’ siwi.”
“Jisimni John Openshaw iżda jien personalment, sakemm nista’ nifhem, m’għandi x’naqsam xejn ma’ din l affari kerha. Hu fatt li għandu x’jaqsam mal-wirt tal familja tiegħi. Biex nagħtik il-fatti sew irrid immur lura mill bidu nett.
Trid tkun taf li n-nannu tiegħi kellu żewġ subien – iz-ziju Elias u missieri Joseph. Missieri kellu fabbrika żgħira f’Coventry,(2) li żviluppa meta ġie vvintat il-bicycle.  Hu kellu l-brevett(3) ta’ tajer li ma jittaqqabx. Dan kien suċċess kbir tant li ftit wara biegħ in-negozju u rtira b’kapital kbir. Iz-ziju Elias emigra lejn l-Amerika meta kien għadu żgħir u beda jkabbar it-tajjar fi Florida fejn, milli stajna nkunu nafu, kien sejjer tajjeb ħafna. Dak iż-żmien faqqgħet il gwerra ċivili Amerikana(4) fejn iġġieled taħt Jackson,(5) wara taħt Hood,(6) u laħaq kurunell. Meta l-Ġeneral Lee(7) ffirma l-armistizju, iz-ziju mar lura fil-pjantaġġun(8) u baqa’ hemm għal xi erba’ snin. Bejn l 1869 u l 1870 reġa’ ġie lura l-Ewropa u xtara biċċa art żgħira f’Sussex(9) ħdejn Horsham. Fl-Amerika għamel fortuna kbira u telaq minn hemm għaliex kien jobgħod lis-suwed u l-politika Repubblikana li tagħtihom il-vot. Kien bniedem mhux tas-soltu, vjolenti, jitlagħlu f’ħakka ta’ għajn, u meta jirrabja jidgħi u juża kliem li ma jixraq lil ħadd. Meta jkun kalm imma kien bniedem fabbli. Kemm dam jgħix qrib Horsham ma nafx li qatt mar darba f’dik il-belt. Madwar id- dar kellu ġnien u xi tliet għelieqi fejn kien imur jeżerċita ruħu, iżda spiss ma kienx joħroġ minn kamartu għal ġimgħat sħaħ. Kien jixrob ħafna brandi u jpejjep għadd kbir ta’ sigaretti. Ma riedx jara nies u lanqas ħbieb, saħansitra lanqas lil ħuh.
Jien biss ma kontx indejqu għax ħa grazzja miegħi. Kont għadni tfajjel ta’ xi tnax-il sena meta rani l-ewwel darba. Kienet is sena 1878 u kien ilu l-Ingilterra xi tmienja jew disa’ snin. Talab bil-ħrara lil missieri biex iħallini mmur ngħix miegħu. Għal bniedem tax-xejra tiegħu kien iġib ruħu tajjeb miegħi. Meta ma kienx ikun fis-sakra kien l-għors tiegħu jilgħab iċ-ċess miegħi. Kont nidher għalih jien mal- qaddejja u n-nies li nixtru mingħandhom. Tista’ tgħid li meta kelli sittax it-tmexxija tad-dar kienet f’idejja. Iċ ċwievet tad-dar kienu kollha għandi u fid-dar kont immur fejn irrid u nagħmel li rrid sakemm nindokra l-privatezza tiegħu. Kien hemm eċċezzjoni waħda. Kellu kamra tal-imbarazz fil-kmamar tal-bejt li kienet dejjem magħluqa u ma kien iħalli lil ħadd jidħol fiha. Bil-kurżità ta’ tfajjel li kont darba ħarist mit-toqba taċ-ċavetta, iżda kulma stajt nara kienu bagolli kbar u soror bl-affarijiet li wieħed jistenna li jsib f’attiku kamra tal-bejt)
Jum minnhom f’Marzu tal-1883 kien hemm ittra b’bolla ta’ art barranija fuq il- 5pips 05mejda quddiem il-platt tal Kurunell. Ma kienx soltu għalih jirċievi ittri għaliex kien iħallas il-kontijiet bi flus kontanti u ħbieb ma kellux. “Mill Indja!” qal meta ħa l- envelop f’idu, “bil marka postali ta’ Pondicherry! X’tista’ tkun?” Ħaffef biex jiftaħ l- envelop u minnu waqgħu fil-platt ħames żrieragħ ta’ larinġa. Bdejt nidħak, imma d-daħka malajr għebet minn xufftejja meta rajt wiċċ iz-ziju. Ħalqu nfetaħ, għajnejh qabżu ’l barra, lewnu sar griż, u ċċassa lejn l-envelop, waqt li idu li kienet qed iżżommu bdiet titriegħed. “K.K.K.” għajjat imbagħad, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, dnubieti laħquni.”
“Xi nqala’ zi?” staqsejtu.
“Mewt!” qalli. Qam minn fuq il-mejda u ngħalaq f’kamartu u ħallieni mwerwer b’qalbi tħabbat sitta sitta. Ħadt l-envelop, u fin-naħa ta’ ġewwa li tagħlaq l- envelope ftit ’il fuq mill-kolla, rajt l-ittra K miktuba tliet darbiet b’inka ħamra.  Ma kien hemm xejn aktar ħlief il-ħames żrieragħ nexfin tal-larinġ. Għaliex dan il-biża’ kollu? Ħallejt il-mejda tal-kolazzjon u ltqajt miegħu nieżel it-taraġ b’ċavetta qadima u msadda ta’ waħda mill-kmamar tal-attiku. F’idu l-oħra kellu kaxxa żgħira tal-bronż qisha waħda minn dawk fejn inżommu l-flus.
“Jistgħu jagħmlu li jridu iżda xorta waħda negħlibhom,” qal dan b’dagħwa. “Għid lil Mary li llum irrid in-nar f’kamarti, u ibgħat lil xi ħadd għal Fordham, l-avukat ta’ Horsham.”
Għamilt kif amar u meta wasal l Avukat ġejt mitlub nitla’ fil-kamra taz-ziju. In-nar kien qed jaqbad liemi u fil-fuklar-rajt ħafna rmied iswed fin ta’ karti maħruqin, u l- kaxxa tal-bronż vojta ħdejn l-irmied. Meta ħarist lejn il- kaxxa nħsadt meta fuq l- għatu tagħha rajt K.K.K., l istess ittri li kont rajt fuq l-envelop.”
“John, nixtieq li tkun xhud tat-testment tiegħi,” qalli z ziju. “Ħa nħalli l-patrimonju kollu tiegħi, bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi, lil ħija li huu missierek, fejn bla dubju xi darba ħa jsir tiegħek. Jekk tista’ tgawdih fil-mistrieħ-tal moħħ tajjeb ħafna! Jekk issib li ma tistax, ħu l-parir tiegħi u ħallih lill aktar għadu ħajjien li għandek. Jisgħobbija li qed nagħtik xafra li taqta’ minn żewġ naħat iżda ma nafx ngħid x’ħa jsir minn issa ’l-quddiem. Ġentilment iffirma fejn ħa jurik Mr Fordham.
Iffirmajt kif qalli u l-Avukat telaq bit-testment. Tista’ tobsor li din il-ġrajja stramba baqgħet iddur f’moħħi. Qgħaqt nhewden u nifli l-qagħda iżda xejn ma seta’ jagħmel sens. Tabilħaqq xejn ma ġara li fixkel il-lant tas-soltu ta’ ħajjitna imma fl- istess ħin stajt nara bidla fiz ziju. Beda jixrob iżjed minn qatt qabel u nqata’ aktar min-nies. Ħafna mill-jum kien jgħaddih f’kamartu bil-bieb magħluq minn ġewwa. Xi drabi, f’dagħdigħa ta’ sokor kien iħalli l-kamra, joħroġ jiġri mid-dar b’revolver f’idu, iqatta’ u jkisser kulma jara fil-ġnien, iwerżaq li hu ma jibża’ minn ħadd u la bniedem u lanqas xitan ma kienu ser jagħlquh bħal xi nagħġa f’magħlaq tal- bhejjem. Meta dawn il-battikati jintemmu kien jerġa’ lura lejn kamartu f’dagħdigħa sħiħa ma jafx x’qed jagħmel u jagħlaq il bieb bi-stanga. Ħadd ma seta’ jifhem l-għeruq tat-terrur li kien hemm f’ruħu. F’ħinjiet bħal dawn kont narah wiċċu għarqan xraba anki fl-aktar ġranet kesħin.
5pips 02Insomma, ejja niġu għat-tmiem tal-affari biex ma nkomplix nabbuża minn sabrek Mr Holmes. Lejl minnhom f’sakra ma jarax art għamel waħda mix xenati tiegħu, telaq ’il- barra u ma ġiex lura. Ma tantx ħadnieha bi kbira għax mhux l-ewwel darba għamel hekk. Is-soltu jien u xi qaddejja rġiel konna noħorġu nfittxuh u  nsibuh mixħut nofsu bla sens fil-ġnien.  Iżda din id-darba ma domniex infittxu għax sibnieh mejjet wiċċu ’l isfel f’għadira żgħira bi ftit ilma aħdar mill-ħaxix li kellna fit-tarf tal-ġnien. Ma kienx hemm sinjali ta’ kefrija fuqu u l-ilma tal-għadira kien biss żewġ piedi fond. Fl-inkjesta tal-Koroner, il-ġurija, wara li-qieset li kulħadd kien jafu bħala bniedem eċċentriku, ħarġet verdett ta’ suwiċidju. Imma jien, li naf kemm kien jitwerwer bl-idea stess ta’ mewt, kelli biċċa xogħol biex inġiegħel lili nnifsi nemmen li hu għamel ħiltu biex jiltaqa’ magħha. Il każ għadda u missieri ħa l-pussess tal propjetà u xi erbatax il elf lira (€850,000) li z ziju kellu fil bank.”
“Mument wieħed,” waqqfu Holmes. “It-tagħrif li għadek kif għaddejtli hu tassew straordinarju. Jekk jogħġbok agħtini d-data ta’ meta rċieva l-ittra u d-data tas- suwiċidju.”
“L- ittra waslet fl 10 ta’ Marzu 1883. Mewtu seħħet seba’ ġimgħat wara, fil-lejl tat 2 ta’ Mejju.”
“Grazzi ħafna. Jekk jogħġbok kompli.”
“Meta missieri ħa l-propjetà f’idejh tlabtu biex jara sew il-kamra tal-attiku li z-ziju dejjem kien iżomm magħluqa. Sibna l kaxxa tal-bronż, issa vojta. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-għatu kien hemm karta inkullata bl-ittri K.K.K., u taħthom kien hemm miktub ‘Ittri, messaġġi, riċevuti, u reġistru’. Issoponejna li l karti li ħaraq iz-ziju kellhom x’jaqsmu ma’ affarijiet ta’ din ix xorta. Mill bqija ma kien hemm xejn importanti, ħlief karti mxerrdin u pitazzi bin-noti dwar ħajtu fl Amerika. Xi wħud minnhom kienu dwar il-gwerra u huma xhieda li qeda dmiru sew, u kellu l-fama ta’ suldat qalbieni. Oħrajn kienu dwar iż-żmien tal-bini mill-ġdid tal-Istati tan- Nofsinhar u dwar il politika. Milli jidher kien wieħed minn dawk li oppona li politikani tal-Amerika ta’ Fuq li jintbagħtu jamministraw l-Amerika tan-Nofsinhar.
Missieri ġie joqgħod Horsham fil-bidu tal ’84. Erbat ijiem wara l-ewwel tas-sena smajt lil missieri jgħajjat għajta hekk kif konna qed nieħdu l-kolazzjon. Rajtu qisu wieħed skantat b’envelop f’id u ħames żerrigħat tal-larinġ fl-oħra. Dejjem kien ħa biż-żufjett l-istorja taz-ziju u ż żerriegħa tal-larinġ iżda issa deher imħawwad u mbeżża’.”
“Dan xi mniefaħ ifisser John?” beda jlaqlaq. Qalbi saret ċomb u għedtlu, “huma l- 5pips 03K.K.K.”
Ħares fl-envelop. “Sewwa qed tgħid,” qalli, “ara l-ittri hawn huma. Imma x’hemm miktub ’il-fuq minnhom?”
“Poġġi l-karti fuq l-arloġġ tax xemx,” qrajt minn wara spallejh.
“X’karti? X’arloġġ tax-xemx?” staqsieni.
“L arloġġ tax-xemx li hemm fil-ġnien. M’hemmx ieħor,” weġibtu. “Imma l-karti jridu jkunu dawk li qered iz-ziju.”
“U mur ’l-hemm!” qalli b’ċertu arja. “Qed ngħixu f’art ċivilizzata u ma jistax ikun li jkollna dawn iċ-ċuċati. Minn fejn ġejja din l-ittra?”
Rajt it-timbru postali u għedtlu li kienet ġiet minn Dundee.
“Din xi ċajta vojta,” qalli, “jien x’għandi x’naqsam ma’ arloġġi tax-xemx u karti? Mhux ser nagħti kas dawn l-affarijiet ta’ bluha.”
“Li kont minnek żgur inkellem ’il-Pulizija,” għedtlu.
Hu ħa t-twissija tiegħi biż-żufjett. M’għamel xejn minn dan.
5pips 04“Għallinqas ħallini mmur jien.”
“Le, mhux ser inħallik. Ma rridx nagħmel paniku fuq ix xejn.”
Ma stajtx nirraġuna miegħu għax kien raġel stinat. Madankollu bdejt ngħix b’moħħi jberren li kien riesaq l-għawġ.
Tlett ijiem wara li waslet l-ittra missieri telaq mid-dar biex iżur ħabib antik tiegħu, il-Maġġur Freebody, li għandu taħt idejh waħda mill-fortizzi li hemm fuq – għolja Ports Down. Ħadt gost li mar għaliex ħassejt li iżjed ma jitbiegħed mid-dar aktar ikun bogħod mill-periklu, imma b’xorti ħażina mort imqarraq. Jumejn wara li telaq irċevejt telegramma mingħand il-Maġġur li talabni biex mingħajr dewmien immur għandu. Missieri kien waqa’ f’waħda minn dawk il-fosos tal-ġibs li hemm bosta minnhom f’dawk l inħawi. Missieri kien mitluf minn sensih b’ferita kbira f’rasu. 5pips 06Mort bilġri iżda ma lħaqtux għaliex miet mingħajr ma reġa’ ġie f’sensih. Milli jidher waqt l-għabex kien sejjer lura minn Fareham, u peress illi ma kienx jaf l- inħawi, u il-fossa tal-ġibs ma kellha l-ebda ċint ta’ protezzjoni, il-ġurija tal inkjesta malajr qatgħetha li l-mewt kienet kawża ta’ aċċident. Flejt bir-reqqa kull aspett li għandu x’jaqsam mal-mewt ta’ missieri iżda ma stajt nsib xejn li seta’ jagħti ħjiel li missieri nqatel. La kien hemm sinjali tas-saqajn, la vjolenza, u lanqas serq, u ħadd ma jiftakar li ra frustieri fl-inħawi. Madankollu nista’ ngħid li mhux kuntent b’dan, u moħħi ma jistax isib serħan. Anzi ninsab sod fil-fehma tiegħi li sar xi komplott infami biex joqtlu ’l missieri.
F’dan iż-żmien ta’ saram u biża’ ħadt f’idejja l-wirt li ħalla missieri. Għandu mnejn tistaqsini għaliex ma begħetx kollox u ħlist minn dan l-inkwiet. Ngħidlek is-sewwa kont tal-fehma li dan it-twegħir tagħna kien b’xi mod jew ieħor konsegwenza ta’ xi inċident li seħħ fil-ħajja taz ziju. Kont żgur li noqgħod fejn noqgħod u mmur fejn immur it-theddida tal-periklu kienet xorta ser issus warajja u rasi qatt ma kienet ser tkun mistrieħa.
Missieri miet f’Jannar tal-’85 jiġifieri sentejn u tmien xhur ilu. Matul daż-żmien għext ferħan f’Horsham, tant li bdejt nittama li forsi dan il-magħmul intemm. Sfortunatament serraħt rasi kmieni wisq għaliex ilbieraħ filgħodu d-daqqa ġiet bl- istess mod li waslet għand missieri.”
Iż-żagħżugħ ħareġ mis-sidrija envelop mgħaffeġ, mar lejn il-mejda, qalbu u minnu ħarġu ħames żerrigħat nexfin tal-larinġ.
Hu kompla, “Dan hu l-envelop, it-timbru postali hu Londra, diviżjoni tal-Lvant. Fl- envelop hemm l-istess ittra u messaġġ bħalma kien irċieva missieri, ‘K.K.K.’, u ‘Poġġi l-karti fuq l-arloġġ tax-xemx’.”
“X’għamilt?” staqsieh Holmes.
“Xejn.”
“Xejn?”
“Biex ngħidlek is sewwa – poġġa wiċċu f’idejh bojod – ħassejt li ma stajt nagħmel xejn. Issa naf kif iħossu l-imsejken fenek meta jara s-serp jitmiegħek lejh. Qisni ninsab maħkum minn ħażen bla tmiem li ma nistax niqaflu. Li m’għandix futur għax id-destin qed iqarribni lejn il-‘mewt!”
“Isa, isa!” għajjat Holmes, “Trid iġġib ruħek ta’ raġel għax kollox isirlek suf. L enerġija biss tista’ ssalvak. Mhux il-waqt li taqta’ qalbek.”
“Mort għand il-Pulizija.”
“U x’ġara?”
“Ħadu l istorja tiegħi biċ-ċajt. Ikolli ngħid li l-Ispettur daħħalha f’rasu li l ittri huma ta’ xi ħadd li jrid jgħaddina biż żmien u l-mewt ta’ missieri u z-ziju huma biss aċċidenti kif kien il verdett tal-ġurija fl-inkjesta, u ma kellhom x’jaqsmu xejn mat- twissijiet fl ittri.”
Holmes xengel rasu u għolla l-ponnijiet fl-arja, “Ma nistax nemmen x’tip ta’ imbeċilli hu dan l-Ispettur li kellimt!” għajjat.
“Però tawni permess nieħu pulizija biex jibqa’ miegħi d-dar.”
“Illejla ġie miegħek?”
“Le, l-ordni li tawh hi li jrid jibqa’ d dar tiegħi.”
Holmes reġa’ telagħlu u beda jgħajjat, “X’injoranza ta’ nies!”
“Għaliex ġejt għandi?” staqsieh, “U fuq kollox għaliex ma ġejtx mill-ewwel?”
“Ma nafx. Kien propju llum li tkellimt mal-Maġġur Prendergast dwar is-saram li ninsab fih u kien hu li tani l-parir niġi għandek.”
“Diġà għaddew jumejn mindu ħadt l-ittra. Missna għamilna xi ħaġa qabel. Nissoponi li m’għandekx aktar x’tgħidilna ħlief dik li wrejtna. Ma hemmx xi dettall partikolari li jista’ jgħinna?”
“Hemm xi ħaġa,” qal John Openshaw. Fittex fil-but tal-kowt u ħareġ biċċa karta ta’ kulur ikħal mitfi u poġġieha fuq il-mejda. “Niftakar li dakinhar li z-ziju ħaraq il- karti osservajt li d-dahar tal-pitazz mhux maħruq  kien ta’ dan il kulur. Sibt din il- paġna f’kamartu u naħseb li hija waħda mill-karti li forsi waqgħet minn xi pitazz u ma nħarqitx. Barra li jissemmew iż żrieragħ ma nafx kemm tista’ tkun ta’ għajnuna. Ikolli ngħid li din hi paġna mid-djarju privat taz-ziju. Il-kaligrafija hija żgur tiegħu.”
Holmes ressaq il-lampa u t tnejn li aħna flejnieha. Dehret li kienet maqtugħha minn xi pitazz bid-data ta’ Marzu 1869 u fiha kellu dawn in noti.
L-Erbgħa: Hudson ġie. L-istess pjattaforma.
Is-Sebgħa: Poġġi ż-żrieragħ fuq McCauley, Paramore, u John Swain ta’ St. Augustine.
Id-Disgħa: McCauley inħeles.
L-Għaxra: John Swain inħeles.
It-Tnax: Żorna lil Paramore. Kollox sew.
“Grazzi,” qallu Holmes, waqt li tewa l-karta u tahielu lura. “Issa taħt l-ebda ċirkostanza ma nistgħu nitilfu aktar ħin. Lanqas għandna żmien niddiskutu dak li għedtli. Trid tmur f’darek u tieħu azzjoni.”
“Xi tridni nagħmel?”
“Ħaġa waħda biss. U trid tagħmilha mill-aktar fis. Trid tpoġġi l-biċċa karta li wrejtna fil-kaxxa tal-bronż li għadek kif semmejt. Fiha trid ukoll tagħmel nota fejn tgħid li l-bqija tal-karti nħarqu minn zijuk u baqa’ dik biss. Trid tikteb b’fehma qawwija biex huma jemmnuk. Meta tlesti poġġi l-kaxxa fuq l-arloġġ tax xemx kif qalulek. Qed tifhem?”
“Perfettament.”
“Taħsibx f’xi tpattija jew għemil ta’ din ix xorta. Dik nistgħu noħduha bis-saħħa tal- liġi iżda l-ewwel irridu ninsġu l-għanqbuta tagħna. Tagħhom hija lesta. L- ewwel pass hu li niskansaw l għawġ li jinsab qrib u li qed jheddek. It tieni pass hu li niċċaraw il-misteru u naraw li l-ħatja jieħdu dak li ħaqqhom.”
“Grazzi ħafna,” qallu ż żagħżugħ waqt li qam u libes l-inċirata. “Tajtni tama ġdida. Serraħ rasek li ħa nagħmel dak li għedtli.”
“Titlifx sekonda, u fuq kollox f’din il-ħabta fejn xortik tidher li telqitek hu ħsieb tiegħek innifsek. M’għandi l-ebda dubju li tinsab mhedded minn periklu reali u fil- qrib. Kif sejjer lura?”
“Bit-tren mill istazzjon ta’ Waterloo.”(10)
“Għadhom ma daqqux id-disgħa. It-toroq għadhom miżgħuda bin-nies, għalhekk naħseb li mhux ħa jkun hemm sogru. Iżda fl-istess ħin ma tistax tħares lilek innifsek iżżejjed.”
“Ninsab armat.”
“Tajjeb, tajjeb. Għada nibda nieħu ħsieb il-każ tiegħek.”
“Mela narak f’Horsham?”
“Le, il-enigma tinsab ġewwa Londra u hawn irridu nfittxuha.”
“Mela nerġa’ ngħaddi xi jumejn oħra biex ngħidlek dwar il-kaxxa u l-karti. U tħabbilx rasek ħa nagħmel dak li għedtli sa l-anqas dettal.”
Ħadna b’idejn xulxin u telaq. Barra, ir-riħ kien għadu jwerżaq u x-xita kompliet ittektkek fuq it-twieqi. Din l istorja stramba u selvaġġa qisha twasslet minn dawn l- elementi infurjati – ittajret fuqna bħall-ħaxix tal-baħar f’tempesta – u issa reġgħet lura ma’ dawk l-elementi li ġabuha.
Sherlock Holmes qagħad għal xi ħin sieket b’rasu baxxuta u għajnejh iħarsu fissi lejn il-ġmamar ħomor tan-nar. Xegħel il-pipa, u wara reġa’ ntefa’ lura fuq il pultruna jħares ’il-fuq lejn is-sħab ikħal tad-duħħan.
5pips 07Fl aħħar qalli, “Watson, ara kemm kellna każi qatt ma kellna każ daqshekk partikolari.”
“Forsi ‘The Sign of Four’.”
“Iva tassew forsi dak. Fl-istess ħin inħoss li dan John Openshaw qiegħed f’periklu iżjed serju mill-familja Sholto.”
“Imma,” staqsejtu, “għandek xi idea x’inhu dan il-periklu?”
“Ma hemm l-ebda dubju dwar in-natura tiegħu.”
“Mela x’inhu? Min hu dan K.K.K.? U għaliex qed isus wara din il-familja żvinturata?”
Sherlock Holmes għalaq għajnejh u poġġa minkbejh fuq il ġnub tal-pultruna waqt li qal, “Il ħassieb razzjonali ideali, meta jiġi muri fatt fix-xejriet kollha tiegħu, ikun jista’ jistħarreġ mhux biss is sensiela ta’ ġrajjiet li wasslu għalih iżda wkoll x’jista’ jiġri fil-ġejjieni bħalma Cuvier(11) jista’ jagħti tagħrif dwar annimal sħiħ minn għadma waħda. L-osservatur, li jifhem sew ir-rabta bejn sensiela ta’ inċidenti, suppost ikollu l-ħila li jagħti tifsira ċara ta’ dawk l-affarijiet li ġraw u ser jiġru. Sa issa l-użu tal-moħħ biss mhux qed jagħtina t tweġibiet li rridu. Din il-kobba mħabbla nistgħu nsibu tarfha bl-għajnuna ta’ studju u tagħrif li jitfa’ aktar dawl dwar dak li jkun għaddej. Mela mar-raġunar irridu nżidu l-informazzjoni. Biex dan il-metodu jirnexxi hu meħtieġ li min qed jirraġuna juża wkoll fatti u informazzjoni li jkollu f’idejh. Dan jimplika minnu nnifsu, kif diġà rajna, ġabra kemm jista’ jkun kbira ta’ għerf u tagħrif. Fiż-żmien fejn għandek l-edukazzjoni ħielsa u l enċiklopediji hu impossibbli li tkun taf kollox. Biex l-għerf ikun ta’ għajnuna wieħed irid iżomm dak biss siewi għall-bżonnijiet tiegħu tax-xogħol jew professjoni. Jien hekk għamilt, tgħallimt dak l għerf li nħoss li hu ta’ ħtieġa għalija fil-qasam tiegħi tal-istħarriġ. Issa dan l-għerf ħa niġi bżonnu f’dan il-każ. Jekk niftakar sew darba minnhom, fiż-żmien bikri tal-ħbiberija tagħna, int iddeskrivejt sa fejn għandi ħila nasal b’mod preċiż ħafna.”
Bi tbissima għedtlu, “Kien dokument mhux tas-soltu. Il-filosofija, l-astronomija, u l-politika kollha kienu mmarkati zero. Niftakar il-botanika hekk u hekk, ġeoloġija profonda ħafna fejn jidħlu tbajja’ ta’ tajn f’kull reġjun ħamsin fil-mija mill belt, fil- kimika eċċentriku, fl-anatomija mhux sistematiku, fil-letteratura sensazzjonali, fl-arkivjar tad-delitti uniku, vjolinist goff, fl-użu tax-xabla adegwat, avukat tajjeb, u javvelena lilu nnifsu bil-kokaina u t-tabakk. Dawk kienu l-punti prinċipali tal- analiżi tiegħi.”
Holmes tbissem u qalli, “Sewwa, u ntenni l-istess ħaġa li għedtlek dakinhar. Il- bniedem irid iżomm il-kamra żgħira fl-attiku li għandu f’moħħu mgħammra bil- ħtiġijiet kollha li hu ħa juża. Dak kollu li hu żejjed jista’ jpoġġih fil-kamra tal- imbarazz fejn ikun jista’ jilħqu jekk jiġi bżonnu. Issa ġentilment newwilli l-ittra K tal-enċiklopedija Amerikana li qiegħda fuq l-ixkaffa ħdejk. Grazzi. Ejja niflu sew iċ- ċirkostanzi u naraw x’nistgħu nisiltu minnhom. L-ewwel nett nistgħu nibdew billi nissoponu li l Kurunell Openshaw kellu xi raġuni serja ħafna li ġegħlitu jitlaq mill- Amerika. Nies tal-età tiegħu ma jbiddlux id-drawwiet tagħhom, u jħallu minn jeddhom il-klima sabiħa ta’ Florida għal ħajja-solitarja f’komunità provinċjali fl- Ingilterra. L-imħabba kbira tiegħu għas-solitudni fl-Ingilterra tagħti wieħed x’jfhem li hu ħalla l-Amerika għax-kien qed jibża’ minn xi ħaġa jew xi ħadd. Issa minn xiex kien qed jibża’ nistgħu biss naslu biex insibu tweġiba mill-ittri li rċieva, li tant ġabu għawġ lilu u lil dawk li ġew warajh. Ħadt nota tat-timbri postali tal- ittri?”
“L-ewwel waħda ġiet minn Pondicherry, it-tieni minn Dundee, u t-tielet minn Londra.”
“Mil-Lvant ta’ Londra. X’nindunaw minn dan?”
“Dawn huma kollha portijiet. Il-kittieb tal-ittri kien fuq bastiment.”
“Eċċellenti Watson. Diġà għandna l-ewwel tarf. Wisq probabbli, anzi ngħid fiċ- ċert, li l-kittieb tal ittri kien abbord bastiment. Issa ejja naraw daqsxejn punt ieħor. Fil-każ ta’ Pondicherry bejn it-theddida u t-twettiq tad-delitt għaddew seba’ ġimgħat. Meta l-ittra ġiet minn Dundee għaddew biss xi tlieta jew erbat ijiem. X’taħseb dwar dan?”
“Li l-vjaġġ kien itwal.”
“Imma anki l-ittra għamlet vjaġġ twil biex waslet.”
“Ma-nistax nifhem il-punt tiegħek.”
“Tal-anqas wieħed jista’ jaħseb li l-bastiment li r-raġel jew irġiel qed jivvjaġġaw fuqu hu wieħed bil-qlugħ. Jidher li huma dejjem jibagħtu t-theddida tagħhom qabel ma jibdew il-missjoni tagħhom. Ara ftit, meta l-ittra bit-theddida telqet minn Dundee d-delitt sar ftit wara. Kieku ġew minn Pondicherry fuq bastiment tal isteam kienu jaslu kważi mal-ittra. Iżda ma kienx il-każ għax għaddew seba’ ġimgħat. Naħseb li dawn is-seba’ ġimgħat huma d-differenza bejn il posta bil- baħar li wasslet l-ittra, u l-iskuna li biha wasal il-kittieb.”
“Possibbli,” għedtlu.
“Ngħid li għandu mnejn hu hekk. Issa qed tara l-bżonn ta’ għaġla kbira f’dan il-każ u għaliex xprunajt lil Openshaw biex joqgħod attent? Id-daqqa dejjem taqa’ meta min bagħat l-ittri jkun wasal fil-post. Issa l-aħħar waħda ġejja minn Londra u għalhekk ma nistgħux inserrħu rasna li l-għedewwa tagħna ħa jdumu jiem biex jaslu. Ma neħodhiex bi kbira li diġà jinsabu hawn”
“Alla ħanin,” għajjat, “x’tista’ tfisser din il-persekuzzjoni ma tispiċċa qatt fuq din il- familja?”
“Il-karti li Openshaw kellu fuqu jidher li huma ta’ siwi għall-persuna jew persuni li issa qegħdin fuq l-iskuna. Naħseb li hu ċar li hemm iżjed minn wieħed. Bniedem waħdu ma jistax joqtol tnejn min-nies b’tali mod li jqarraq bil-Koroner kull darba. Bilfors kien hemm numru mhux ħażin li ħadu sehem. Nies riżoluti u lesti għal- kollox. Huma jridu l-karti tagħhom akkost ta’ kollox qegħdin għand min qegħdin. Mela jekk dawn huma s-sisien ta’ kif qed naħsbu, l-ittri K.K.K. ma jibqgħux l- inizjali ta’ xi ħadd iżda simbolu ta’ għaqda.”
“Imma x’għaqda?” staqsejtu.
“Allura qatt … ?” staqsieni Holmes jiġġebbed ’il barra u jbaxxi leħnu “… qatt ma smajt bil-Ku Klux Klan?”
“Le, qatt.”
Holmes dawwar il-paġni tal-ktieb li kien fuq irkupptejh. “Hawn aħna,” qalli, “Ku Klux Klan. L-isem ġej mix-xebh tal-ħoss ta’ sparatura tal-ixkubetta. Din l-għaqda faħxija twaqqfet minn ekssuldati tal-Konfederazzjoni tal-Istati tal Amerika tan- Nofsinhar li kienu tilfu l-gwerra ċivili mal-Unjonisti tal-Amerika tat-Tramuntana. Malajr twaqqfu fergħat f’bosta stati tan-naħa ta’ Isfel tal-Amerika bħal-Tennesse, Louisiana, Karolina ta’ Fuq u dik ta’ Isfel, Georgia, u Florida. L-għaqda kienet tuża s-setgħa tagħha għal għanijiet politiċi, primarjament biex titterrorizza n-nies suwed li issa kellhom il-vot. Kienu wkoll joqtlu u jkeċċu lil dawk li fl-għaqda juru xi oppożizzjoni. Qabel jibdew l-atti vjolenti tagħhom kienu jibagħtu lil min ikun immarkat twissija taħt xi forma stramba, ngħidu aħna xi fergħa ta’ siġra tal-ballut, f’xi nħawi żrieragħ tal-bettieħ jew larinġ bħal fil-każ tagħna. Meta l-vittma jirċievi din it-twissija, jew jiċħad kollox u jerġa’ jmur fi ħdan l-għaqda jew inkella jkollu jaħrab mill-pajjiż. Min kien qalbieni biżżejjed u ma jċedix kien imut għal-għarrieda b’mod mhux tas-soltu. Tant hija għaqda perfetta, b’metodi sistematiċi għall-aħħar, li ma hemmx każ wieħed ta’ xi ħadd li sfidaha u ma sofriex il-konsegwenzi. L-atti vjolenti tagħha qatt ma taw ħjiel ta’ xi suspett lejha. Għal xi snin l-għaqda mxiet sew ’il quddiem minkejja kull sforz tal-Gvern Amerikan u tal-komunità tan nies tan- Nofsinhar. Fl-aħħar, fis sena 1869, l-għaqda sfaxxat f’ħakka ta’ għajn għalkemm kien hemm xi attentati mferrxin biex terġa’ tingħaqad.”
“Tista’ tosserva,” qalli Holmes waqt li poġġa l-volum mal art, “li t-tkissir għall- għarrieda tal-għaqda jaħbat mal-għejbien ta’ Openshaw mill-Amerika bil-karti b’kollox. Din setgħu kienu l-kawża u l-effett. Ma neħodhiex bi kbira li hu u l-familja tiegħu għandhom iħufu warajhom nies li ma jiqfux qabel jilħqu l-għan aħħari tagħhom. Dan ir-reġistru u d-djarju jistgħu jikxfu l-ewwel nies tal-Amerika ta’ Isfel li daħlu fl-għaqda, u hemm oħrajn li mhux ser jorqdu sew sakemm id- djarju jkun f’idejhom.”
“Mela l-paġna li rajna…”
“Hi kif stajna nissoponu. Jekk niftakar sew kienet tgħid ‘Ibgħat iż żrieragħ lil A.B.Ċ’, li tfisser ibagħtilhom it-twissija tal-għaqda, imbagħad tliet kitbiet wara xulxin. A u B inħelsu jew telqu mill-pajjiż, u fl-aħħar marru jżuru lil Ċ. Wisq nibża’ b’riżultat ikrah għal Ċ. Mela Dott., ejja nippruvaw indawlu ftit din il-ġrajja mudlama. Naħseb li l-unika opportunità li Openshaw għandu biex ma jiġrilu xejn hi li jagħmel dak li għedtlu. M’hemmx x’tgħid u tagħmel iżjed illejla. Mela newwilli l-vjolin, u ejja nippruvaw ninsew dan it temp miżerabbli, u aktar u aktar id- drawwiet miżerabbli ta’ ħutna l-bnedmin.”
Filgħodu l-maltemp kien għadda u x-xemx bdiet tiddi liemja taħt velu rqiq ta’ sħab li kien qed jgħatti l-belt. Holmes kien diġà qed jieħu l-kolazzjon meta dħalt.
“Skużani li ma stennejtekx,” qalli, “iżda llum ħa jkolli x’nagħmel bil-każ ta’ Openshaw.”
“X’passi ħa tieħu?”
“Jiddependi ħafna minn x’ħa joħroġ mill-ewwel stħarriġ. Wara kollox naħseb li ħa 5pips 08jkolli mmur għand Openshaw.”
“Hemm sejjer l-ewwel?”
“Le, ħa nibda mis-City. Doqq il qanpiena u l-qaddejja ġġiblek il-kafè.”
Waqt li kont nistenna l-kafè ftaħt il-gazzetta u tajtha daqqa ta’ għajn. Għajnejja marru fuq titlu li kessaħli qalbi.
“Holmes,” għajjatt, “qiegħed tard wisq.”
“Ah!” qalli waqt li poġġa l-kikkra fuq il-mejda. “Kont qed nibża’ li jiġri dan. Għidli l- fatti.” Tkellem b’mod kalm iżda nnutajt li ħassha sew.
Għajnejja raw l-isem ta’ Openshaw fit-titlu li kien igħid ‘Traġedja ħdejn Waterloo Bridge’. Skont dak li hawn miktub, ‘Bejn id-disgħa u l-għaxra ta’ filgħaxija l- Kuntistabbli Cook tad-Diviżjoni H kien xogħol fuq Waterloo Bridge u sema’ lil xi ħadd jgħajjat għall-ajjut u xi ħaġa jew xi ħadd jaqa’ fl-ilma. B’xorti ħażina kien lejl ta’ maltemp u mudlam ħafna. Minkejja l-għajnuna ta’ bosta li kienu għaddejjin minn hemm kien impossibbli li min waqa’ fl-ilma jiġi salvat. Taw l-allarm u bl- għajnuna tat-taqsima tal-Pulizija tax-xmara l-ġisem ittella’ mill-ilma. Kien ta’ ġentlom żagħżugħ bl-isem ta’ John Openshaw li joqgħod viċin Horsham. Milli jidher saru jafu dan kollu għax kien miktub fuq envelop li sabulu fil-but ta’ ġewwa tal-inċirata. Wieħed jista’ jissoponi li kien mgħaġġel biex jilħaq l-aħħar tren mill- istazzjon ta’ Waterloo, u bl-għaġġla li kellu u d-dlam ċappa ta’ dak il-ħin ħa żball fit-triq u minflok baqa’ sejjer dritt wasal fit-tarf ta’ xi moll fejn jitrakkaw id-dgħajjes, tgerbeb it-taraġ u baqa’ nieżel  fl-ilma. Il ġisem ma kellu ebda sinjali ta’ vjolenza u ma hemm l-ebda dubju li l-mejjet kien vittma ta’ aċċident sfortunat. Dan li ġara għandu jiġbed l-attenzjoni tal awtoritajiet dwar il-kondizzjonjiet tal-mollijiet tad-dgħajjes li jinnavigaw ix-xmara.’
Waqa’ skiet perfett għal ftit minuti. Lil Holmes qatt ma rajtu kiebi u xxokkjat daqshekk.
“Dan kollu jweġġagħli d-dinjità tiegħi, Watson,” qalli fl aħħar. “Tabilħaqq dak li qed inħoss f’qalbi hu patetiku, iżda xorta hu tebgħa fuq l-unur tiegħi. Issa din il- biċċa xogħol saret personali u jekk Alla jagħtini s-saħħa naqbad lil dawn il-qattiela. Għajb għalija li żagħżugħ jiġi għandi għall-għajnuna u jien nibagħtu għall-mewt!”
Qam minn fuq il-pultruna u beda jdur madwar il-kamra bi’freneżija fuqu. Ħaddejh sofor ħmaru u beda jiftaħ u jagħlaq idejh xhieda tan-nervożiżmu li kellu.
“Tabilħaqq huma xjaten jilħqilhom,” għajjat fl-aħħar. “Kif setgħu nasbuh biex imur hemm isfel? Ma kinitx triqtu lejn l-istazzjon. Indubbjament il-pont kien iffullat wara lejla bħal dik u għalhekk il-qattiela ma setgħux jagħmlu xejn hemm. Insomma, Watson, fl-aħħar naraw min ħa jispiċċa minn fuq. Jien sejjer.”
“Għand il Pulizija?”
“Le, jien ħa nkun il-pulizija tiegħi nnifsi. Meta ninseġ l-għanqbuta l-Pulizija jkunu jistgħu jieħdu d-dubbien, iżda mhux qabel.”
Min-naħa tiegħi kelli ġurnata xogħol mhux ħażin u mort lura tard f’Baker Street. Holmes kien għadu ma deherx. Kienu kważi l-għaxra meta daħal. Deher sfajjar u għajjien. Mar lejn il-mejda, qatta’ biċċa ħobż, kielha, u xorob ftit ilma.
“Għandek il-ġuħ,” irrimarkajtlu.
“Mejjet bil-ġuħ. Insejt li ma ħadt xejn wara l-kolazzjon.”
“Xejn?”
“Lanqas loqma. Ma kellix ħin naħseb fuq ikel.”
“Allura, għandek xi ħjiel?”
“Qegħdin fil-pala ta’ idi. Openshaw iż-żgħir mhux ser idum biex jieħu l-ġustizzja li jistħoqqlu għall-mewt infami li sofra. Ejja, Watson, nitfgħulhom il-marka tagħna!”
“Xi trid tgħid?”
Ħa-larinġa mill armarju, u wara li qattagħha f’biċċiet u għasarha, tefa’ ż żerrigħat fuq il-mejda. Ħa ħamsa u poġġihom f’envelop. Fuq il-parti ta’ ġewwa li tagħlaq l- envelop kiteb ‘S.H. għal J.C.’, issiġilla l envelop u indirizzaha lil Captain James Calhoun, Barque Lone Star, Savanah, Georgia.
“Din ħa tkun tistennieh meta jidħol il-port,” qalli bid daħka. “Tista’ tħallih xi lejl jew tnejn imqajjem. Żgur li ħa jsibha bħala l-aħbar tat-tmiem tiegħu kif ġralu Openshaw qablu.”
“U min hu dan Captain Colhoun?”
“Il kap tagħhom. L-oħrajn naqbadhom ukoll iżda dan l-ewwel.”
“Kif irnexxielek issibu?”
Minn butu ħareġ folja karta mdaqqsa kollha ismijiet u dati.
“Għaddejt il-jum kollu neżamina r reġistru tal Lloyds(12) fl-arkivji biex insib kull bastiment li daħal fil-port ta’ Pondicherry bejn Jannar u Frar tas sena 1883. Kien hemm sitta u tletin bastiment ta’ tunnellaġġ(13) medju li daħlu f’dak il-port matul dawn ix-xahrejn. Wieħed, li kien jismu Lone Star, mill-ewwel ġibidli l-attenzjoni għaliex il-permessi tan-navigazzjoni ħarġu minn Londra iżda l-isem tal-bastiment hu reġistrat l-Amerika.”
“Jekk mhux sejjer żball Texas.”
“Għadni mhux ċert liema stat hu iżda mija fil-mija li l-isem tal-bastiment hu ta’ oriġini Amerikana.”
“Allura issa?”
“Fittixt fir-reġistru tal-port ta’ Dundee u sibt li l-iskuna Lone Star kienet hemm fix- xahar ta’ Jannar tal ’85. Id dubju tiegħi issa sar fatt ta’ min jorbot fuqu. Fl-aħħar staqsejt dwar bastimenti li bħalissa jinsabu fil-port ta’ Londra.”
“Iva?”
“Il Lone Star waslet il-ġimgħa l oħra. Mort fil-baċir Albert u qaluli li salpat lejn in naħa ta’ isfel tax-xmara lesta biex tmur lura lejn Savannah. Bgħatt telegramma Gravesend(14) u sirt naf li kienet għaddiet minn hemm ftit tal-ħin ilu. Peress illi r- riħ kien il-Lvant żgur li issa kienet ħa tgħaddi minn The Goodwins(15) u allura ma kinitx bogħod mill-gżira ta’ Wight.”
“X’ħa tagħmel issa?”
“Kollha huma f’idejja. Sirt naf li tliet Amerikani biss hemm abbord, Captian Colhoun u tnejn kompliċi miegħu. Il bqija taċ-ċorma huma Finlandiżi u Ġermaniżi. Naf ukoll li lbieraħ billejl it tlieta li huma ma kinux fuq l-iskuna. Sirt naf dan mingħand burdnar li kien qed jgħabbi l merkanzija fuq il bastiment. Sakemm l- iskuna tasal Savannah il bastiment bil posta jkun wassal din l ittra, u permezz ta’ telegramma l-Pulizija ta’ Savannah ħa jkunu diġà jafu li dawn it-tlieta huma mfittxijin fuq akkuża ta’ omiċidju.”
Imma anki l-aħjar pjanijiet jistgħu jfallu. Il-qattiela ta’ John Openshaw qatt ma rċevew iż żrieragħtal larinġ li kienu juruhom li kien hemm xi ħadd astuż aktar minnhom li kien qed jimxi wara l-passi tagħhom. Dik is sena l-irwiefen ekwatorjali damu ħafna u kienu ta’ qawwa mhux tas-soltu. Stennejna l-aħbar ta-Lone Star iżda qatt ma waslet. Fl-aħħar smajna li xi mkien fl-Atlantiku sabu parti mill-arblu ta’ bastiment titbandal mal-mewġ bl-ittri L.S. minquxin fuqha. Dak hu kollu li qatt ser inkunu nafu dwar id destin tal-Lone Star.

_________________________________________________________

Noti ta’ l-ahhar
1. Clark Russell: Kittieb Ingliż (1844 – 1911) magħruf l-aktar għall-istejjer li kiteb dwar il-ħajja fuq il-baħar. Ta’ 13-il sena daħal fil-flotta merkantili Ingliża fejn dam tmien snin. Din l-esperjenza pprovdietlu materjal għall-kitba tiegħu u għarrqitlu ħajtu. Mill esperjenza tiegħu fuq il baħar hu ħadem biex il-Gvern jgħaddi liġijiet biex iħarsu ’l-baħħara li kienu trattati ħażin mill-kaptani u s-sidien tal-bastimenti. Bis saħħa tiegħu għaddew bosta liġijiet li pproteġew u taw drittijiet lill-baħħara.
2. Coventry: Belt metropolitana fil Punent tan Nofs tal Ingilterra, magħrufa aħjar bħala Midlands. Hija l għaxar l ikbar belt tal Ingilterra u t tlettax l ikbar belt fir Renju Unit. Tinsab 153km mill Punent taċ Ċentru ta’ Londra. Għandha popolazzjoni ta’ bejn wieħed u ieħor daqs ta’ Malta.
3. Brevett: Bl Ingliż patent. Meta xi ħadd jivvinta xi ħaġa l ewwel ħaġa li jagħmel hu li jagħmilha brevett. Dan hu qisu ċertifikat maħruġ mill Gvern li jgħid li dak l oġġett ġie vvintat minn persuna partikolari. Dan ikun ifisser li ħadd ma jista’ jikkopja l invenzjoni, u biex xi ħadd jagħmel hekk irid jitlob permess li għalih irid iħallas il flus.
4. Il gwerra ċivili Amerikana: Fl 1861 laħaq President tal-Amerika Abraham Lincoln. Fost ir-riformi kbar li kellu f’moħħu kien hemm dik li jagħti l-ħelsien lill-iskjavi suwed. Dak iż-żmien eluf ta’ Afrikani kienu jinġiebu ‘l-Amerika bħala skjavi biex jaħdmu fil-pjantaġġuni tat-tajjar u t-tabakk fl-istati ta’ Isfel tal- Amerika. Dawn l-iskjavi kienu trattati agħar mill-annimali.
Meta Lincoln ried jgħaddi l-liġi li tagħti l-ħelsien lill-iskjavi seba’ stati tan-naħa ta’ Isfel iddikjaraw li nqatgħu mill-Istati Uniti tal-Amerika u waqqfu l- Konfederazzjoni tal-Istati tal-Amerika ta’ Isfel indipendenti mill-Istati Uniti. B’hekk faqqgħet il-gwerra mdemmija bejn il Konfederazzjoni tal-Istati ta’ Isfel tal- Amerika u l-Unjoni tal-Istati tal-Amerika ta’ Fuq, li kienu jappoġġjaw lill-President Lincoln. Il-gwerra bdiet fl 1861 u ntemmet fl-1865. Il-Konfederazzjoni tal-Istati ta’ Isfel ġiet megħluba u fit-13 ta’ Diċembru 1865 l-iskjavitù fl-Amerika ġie abolit. Konsegwenza ta’ din il-gwerra ċivili, il-President Lincoln ġie assassinat fil-15 ta’ April 1865.
5. Jackson: Thomas Jonathan Jackson (1824 – 1863). Kien magħruf l-aktar bħala Stonewall Jackson. Kien wieħed mill-aktar ġenerali famużi tal- Konfederazzjoni tal-Istati ta’ Isfel fil-gwerra ċivili Amerikana. Miet mewta sfortunata għaliex indarab minn suldati tal-armata tiegħu stess. Kellhom jaqtghulu idu u miet kawża ta’ komplikazzjonijiet ta’ din l-amputazzjoni.
6. Hood: John Bell Hood (1831 – 1879). Ġeneral ieħor tal-armata tal Konfederazzjoni tal-Istati ta’ Isfel. Hu kellu reputazzjoni ta’ qlubija u aggressività. Ħafna drabi ma kienx jagħti kas tal-konsegwenzi ta’ għemilu.
7. Lee : Robert Edward Lee (1807 – 1870). Il Ġeneral li mexxa l-armata tal- Konfederazzjoni tal-Istat ta’ Virġinja ta’ Fuq. Hu l-aktar ġeneral famuż tal-gwerra ċivili. Barra suldat espert kien ukoll inġinier militari mill-aqwa. Hawn min jikkritika t-tattika aggressiva tiegħu li skont ċerti storiċi kkawżat numru għoli ta’ vittmi għalxejn.
8. Pjantaġġun: Meded kbar ta’ art li fihom kienu jkabbru tajjar, tabakk, kafè, zokkor, qamħ, u ross fost l-oħrajn. Għal dawn il-pjantaġġuni kellhom bżonn ta’ bosta ħaddiema. Fi żmien iż-żrigħ u l-ħsad kienu jġibu eluf ta’ nies mill-Afrika biex jagħmlu dan ix xogħol taħt kundizzjonijiet ta’ skjavitù.
9. Sussex: Reġjun antik li jinsab fil-kosta tax-Xlokk tal-Ingilterra. Forsi l-iktar belt magħrufa f’dan ir-reġjun hija Brighton and Hove, belt ħdejn il-baħar u post popolari ħafna mal-Ingliżi għall-vaganzi.
10. Waterloo: Waħda mill aktar battalji famużi fl-istorja Ewropeja li temmet l- era ta’ Napuljun. Din seħħet fit-18 ta’ Ġunju 1815 bejn l-armata Franċiża ta’ Napuljun u l-armata  Ingliżi taħt il-Ġeneral Wellington u l-armata Prussjana taħt il- Ġeneral Blucher f’post bl-isem ta’ Waterloo fil-Belġju. Wara din id-disfatta Napuljun ġie eżiljat fil-gżira ta’ Sant’Elena fejn miet fil-5 ta’ Mejju 1821.
11. Cuvier: Jean Léopold Nicolas Frédéric Cuvier (1769 – 1832), magħruf aktar bħala Georges Cuvier. Naturalista u zuologu Franċiż importanti ħafna fil-qasam tar-riċerka tax-xjenza naturali fis-seklu 18. Kien strumentali biex stabbilixxa l- istudju tal-anatomija u l-palejontoloġija (studju tal-annimali preistoriċi) komparata billi kkompara annimali ħajjin ma’ fossili.
12. Reġistru ta’ Lloyds: Fis seklu 19 ir-Reġistru ta’ Lloyds kienet organizzazzjoni marittima li tippubblika reġistru bil-lista tal-bastimenti tal-baħar madwar id-dinja. Din il-lista kienet tagħti informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal- bastiment. Dan biex min jassigura l-bastiment jew jikrih ikollu idea tal-qagħda tal- bastiment. Il-bastiment kien jingħata żewġ marki, waħda dwar il-kundizzjoni tal- istruttura tiegħi u marka oħra ghat-tagħmir tiegħu, bħal arbli, ħbula u affarijiet oħra. L-ogħla marka tal-istruttura kienet A u dik tat-tagħmir kienet 1. Minn hawn ħarġet l espressjoni A1.
13. Tunnellaġġ: Il kobor ta’ bastiment jitkejjel bit-tunnellati, għalhekk ngħidu tunnellaġġ.
14. Gravesend: Komunità lokali fil-Majjistral tar-reġjun ta’ Kent. Tinsab fit-tarf ta’ isfel tax-xmara Thames hekk kif din tiżbokka fl-Oċean Atlantiku.
15. Goodwins: L isem proprju hu The Goodwin Sands. Sikka ramel twila 10km li tinsab fil-kanal Ingliż 10km mill-kosta tar-reġjun ta’ Kent. Din is-sikka tikkonsisti f’firxa ta’ ramel ħoxna 25m li tistrieħ fuq sodda tal-ġibs.

_________________________________________________________